Tibża’ mill-fond?

Tibża’ mill-fond?

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-5 Ħadd tas-Sena Ċ

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Quddiem l-allat, Mulej, irrid ngħannilek!


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Darba l-kotra bdiet tross fuq Ġesù biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret. U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ’il barra mill-art; imbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa. Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd”. Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek”. Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam. Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.


Xmun Pietru, kif ra dan, inxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!”. Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu. U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Imbagħad Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies”. Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes mal-art, telqu kollox u marru warajh.

(Lq 5:1-11)

pexels/spotwizardlee: you need to risk to discover God

Riflessjoni u talba:

i. Tross fuq Ġesù biex tisma’ l-kelma ta’ Alla   “Aqdef ’il barra fil-fond

Hemm xewqa fina għal dak li hu profond
lil hinn
“ta’ Alla”.
 
Imma xħin tiġi dik il-Kelma
titfgħek f’nofs ta’ baħar
fejn ma jlaħħqux saqajk.
Mistieden taqdef int
imma xħin tissogra tibda
tinduna li l-istess Kelma qiegħda iġorrok.


Irrifletti

  • Quddiem kelma li tisfida l-istatus quo, x’esperjenza jkollok? Reżistenza jew ħeġġa?
pexes/engin akyurt: to be met in our failure


ii. Għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn

Il-Kelma tinfed il-falliment
tinfed fil-kamra magħluqa tal-qtigħ il-qalb
il-letarġija quddiem futur misruq
is-saffi ta’ ċiniżmu li inbena quddiem il-ħażen ripetut
id-diżappunt kostanti frott awtorità staġnata jew manipulattiva
l-idejn mitluqa u għajjiena li tilfu l-fiduċja li jistgħu jaqdfu qadfa oħra …
għax GĦALXEJN!
 
Imma la qed tgħid int …

Irrifletti

  • Ma x’hiex qed titħabat?
pexels/mikhail nilov: a new perspective on life


iii. Tbiegħed minni, Mulej, għaliex …

Meta inti u taqdef
u ttella’ x-xbiek
tiltaqa’ m’Alla
tistagħġeb
tara l-possibilitajiet jinfetħu
u ssib saħħa ġdida biex tmidd idejk
biex issajjar, tikteb messaġġ, tieħu inizjattiva
fiduċjuż li se tiltaqa’ m’Alla
li f’dik l-ikla, f’dak il-messsaġġ, f’dik l-inizjattiva
se jkun qed jagħti l-ħajja lin-nies.

Irrifletti

  • Fejn esperjenzajt sorpriża li tatek enerġija ġdida?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.