Libertà fuq xifer l-irdum

Libertà fuq xifer l-irdum

Niċċelebraw l-Evanġelju tar-4 Ħadd tar-Randan

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom lejn Ġesù biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom!”.U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: “Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Iż-żgħir qal lil missieru: ‘Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid’. U dak qassmilhom il-ġid. Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. Meta ħela kulma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer. Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.

Imbagħad daħal fih innifsu u qal: ‘Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu: Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek’.

Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. It-tifel qallu: ‘Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek’.Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu: ‘Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’. U għamlu festa.

Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. Dak qallu: ‘Hawn ħuk u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ’. Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. Iżda hu qal lil missieru: ‘Ara, ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen’. Qallu missieru: ‘Ibni, inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’”

(Lq 15:1-3,11-32)

pexels/there’s always more than meets the eye

Riflessjoni u talba:

i. ‘Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid’. U dak qassmilhom il-ġid.

Iż-żgħir kapaċi jkun arroganti,
jippretendi dak li hu tal-Missier,
jaħlih u jinħela.

Il-kbir donnu jbati fil-memorja,
jirċievi nofs il-ġid daqs iż-żgħir,
u jgħid li lanqas gidi ma messu:
La jagħraf lil ħuh u lanqas lill-Missier.

Irrifletti

  • Minn x’hiex tbati?
pexes/ron lach: true love is humble


ii. Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu.

M’għandux problema ta’ memorja: lemħu
lanqas inħela: iħoss mill-ġewwieni għalih (tħassru)
Imma daqskemm kien ġeneruż fil-libertà,
ħafna iżjed ġeneruż fl-istima (inxteħet … biesu):
Il-Missier la jifga u lanqas jarmi.

Irrifletti

  • X’jixtieq jgħaddilek Alla?
pexels/serkan goktay: true love gives time and space


iii. Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol.

Issa mhux ġirja waħda,
ma jinxteħitx fuq għonqu,
ma jbusux
 
Jissogra ferm aktar
huwa u ħiereġ minn fost il-mistednin tal-festa,
huwa u jittallab bla ma jista’ jikkontrolla l-eżitu
 
hija mħabba ferm akbar dik li tibqa’ tqassam il-ġid maż-żewġ ulied:
u tittallab u tistenna sakemm isiru aħwa!

Irrifletti

Ieqaf ftit fl-imħabba ħielsa tal-Missier. Se tidħol fil-hena tiegħU?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.