Lil hinn minn elf “għaliex”

Lil hinn minn elf “għaliex”

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-3 Ħadd tar-Randan

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Ħanin u twajjeb il-Mulej.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, ġew xi wħud għand Ġesù u qalulu b’dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom. U Ġesù qabad u qalilhom: “Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom. Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta’ Ġerusalemm? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda”.
U qalilhom din il-parabbola: “Wieħed kellu siġra tat-tin imħawla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx. Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa: ‘Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f’din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha! Għax għalfejn se tibqa’ tkidd l-art?’. Iżda dak wieġbu: ‘Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha’”.

(Lq 13:1-9)

pexels/linz franciz: look beyond

Riflessjoni u talba:

i. Qalulu b’dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom

Qalulu.
Hekk jew hekk, magħhom ikun! Qrib!
Setgħu jgħidulu bil-brutalità ta’ Pilatu (u nies bħalu)
bit-terrur u l-intimidazzjoni ta’ min hu b’saħħtu.
X’tista’ tagħmel?
Inħossni helpless?
 
Pietru wkoll mill-Galilija!
Fakkruhielu waqt li Ġesù kien qed jiġi proċessat:
“dan ukoll kien miegħu, għax dan ukoll mill-Galilija”.
“Ma nafx x’int tgħid sieħeb” – hekk biss felaħ jgħid.
Iħossu mitluf! “soul-less”?
Imbagħad ftakar il-kliem ta’ Ġesù: “Jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda”.
Pilatu ħallat demm Ġesù mad-demm tas-sagrifiċċju, imma Ġesù ta’ ruħu lil Pietru!
U Pietru sab kuraġġ akbar mit-terrur tar-Rumani: fuq din il-blata inbniet il-Knisja.

Irrifletti

  • Ruħ ta’ Kristu qaddisni …
pexes/rachel claire: beyond tragedy


ii. Dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwam u qatilhom

Traġedja oħra!
Inċident?
Xogħol li sar ħażin?
Imma dawk x’għamlu ħażin?
Għalfejn ibati l-innoċenti?
 
Inkun ser nitfixkel.
Il-fraġilità u l-mewt inħosshom offiża!
U l-progress jidher ċar li mhu progress xejn.
 
Imma Ġesù ma jeħilx.
Jerġa jibda miexi, jerfa’ lil min waqa’, iħobb persuna persuna,
U jiftaħ triq fejn il-ħajja tissupera t-traġedja, tmur lil hinn mill-mewt,
lil hinn mill-elf “għaliex?”.

Irrifletti

  • Tibki l-mitluf jew tibni l-futur?
pexels/pixabay: beyond leaves


iii. Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha’”

Nista’ niffriża quddiem it-terrur.
Nista’ neħel għax il-ħażen enormi.
Nista’ ngħix mimli rabja għax Alla qed jippermetti dan kollu!
 
Jew nista’ nagħżel li ngħix f’dinja fraġli
bil-bżonn li nieħu ħsieb saħħti
b’kuxjenza li m’inix hawn għal dejjem
bi gratitudni għal kull mument li għandi
b’impenn biex f’qalbi nilqa’ lil Alla
u nħallih isawwar il-kliem u l-ġesti tiegħi
ħalli l-innoċenti jista’ jsib spalla
u t-tirann isib buffu li jfakkru li mhux Alla.
Nista’ nagħti frott tajjeb u bnin.

Irrifletti

X’tip ta’ frott qed jistiednek tagħti?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.