Alla li jitbaxxa!

Alla li jitbaxxa!

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-5 Ħadd tar-Randan

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Imma l-għada qabel is-sebħ raġa’ mar fit-tempju, u l-poplu kollu ġie ħdejh, u hu qagħad bilqiegħda jgħallimhom. Imbagħad il-kittieba u l-Fariżej ħadulu quddiemu waħda mara li kienet inqabdet fl-adulterju. Huma qegħduha fin-nofs u qalulu: “Mgħallem, din il-mara nqabdet fil-fatt fl-adulterju. Issa fil-Liġi tagħna Mosè ordnalna biex nisa bħal dawn inħaġġruhom. Int, imma, xi tgħid?”. Dan qaluhulu biex iġarrbuh, ħalli jkollhom fuqiex jixluh.


Imma Ġesù tbaxxa lejn l-art u beda jikteb b’sebgħu fit-trab. Billi dawk baqgħu jistaqsuh, qam dritt u qalilhom: “Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla”. U raġa’ tbaxxa jikteb fit-trab. Kif semgħuh jgħid dan, qabdu u telqu wieħed wara l-ieħor, ibda mix-xjuħ.


Ġesù baqa’ waħdu mal-mara, wieqfa fin-nofs. Qam dritt u qalilha: “Dawk fejnhom, mara? Ħadd minnhom ma kkundannak?”. “Ħadd, Sinjur”, qaltlu. “Mela anqas jien ma nikkundannak”, qalilha Ġesù. “Mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed”..

(Ġwanni 8, 1-11)

pexels/sebastian voortman: praying for light

Riflessjoni u talba:

i. Ġesù telaq lejn l-Għolja taż-Żebbuġ ... l-għada qabel is-sebħ mar fit-tempju … qagħad bilqiegħda jgħallimhom

X’mar jagħmel lejn l-Għolja taż-Żebbuġ?
X’jirnexxilu jara f’dak id-dlam tal-lejl?
Wiċċu mal-art?
 
Għaliex mar daqshekk kmieni fit-tempju?
Qabel liema sebħ?
Xi xtaq jgħallimhom?

Irrifletti

  • X’inhi il-mistoqsija tiegħek?
pexes/luke barky: God writes the future in an original way


ii. Ġesù tbaxxa lejn l-art u beda jikteb b’sebgħu fit-trab ... U raġa’ tbaxxa jikteb fit-trab

Tbaxxa mill-ġdid
bħal fil-lejl tad-dlam
meta titħabat quddiem forza akbar minnek
quddiem diskors loġiku, b’ritmu mgħaġġel, li jwassal għal qtil ta’ persuna,
quddiem l-għamad fil-qalba tad-dlam
 
Jitbaxxa
iwaqqaf il-ġirja
jitlob li jisbaħ
jikteb futur ieħor possibbli
fraġli iżda bil-qawwa tal-ħajja
li Alla kapaċi jikteb fit-trab tal-art:
il-bniedem … aħna.

Irrifletti

  • X’jixtieq jgħaddilek Alla?
pexels/nacho juàrez: God’s mercy brings life out of stones


iii. qam dritt u qalilhom … Qam dritt u qalilha

Alla li jitbaxxa huwa Alla li jqum
dritt
mhux biex jgħid kliem ta’ kundanna
mhux biex iżid mad-dlam
iqum
mimli ħajja
mimli ħniena
biex jagħti ħajja
lilha (li nqabdet fil-fatt)
u lill-kotra (li ma nqabditx fil-fatt)
jagħti ħajja bil-kotra!
Alla li jitbaxxa
Alla li jqum
u
min jitbaxxa miegħu
ma jqumx biex jitfa l-ġebel!

Irrifletti

Xi tfisser il-ħniena t’Alla f’ħajtek?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.