Oriġinali jew stramb?
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-14-il Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Għajtu bil-ferħ lil Alla.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu. U qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit! Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu! Morru: araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd.
Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu: ‘Is-sliem lil din id-dar’. U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa’ lura għandkom. Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra. F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; fejqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom: ‘Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom’. Imma l-belt li fiha tidħlu u ma jilqgħukomx, oħorġu fil-pjazez tagħha u għidu: ‘Sat-trab ta’ beltkom infarfru minn ma’ riġlejna, u nħalluh għalikom. Imma kunu afu dan: is-Saltna ta’ Alla waslet’. Ngħidilkom li dak il-jum ikun eħfef għal Sodoma milli għal dik il-belt”.
It-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu: “Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f’ismek”. U hu qalilhom: “Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa’ bħal berqa mis-sema. Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa tal-għadu u ebda ħsara ma jagħmlulkom. Madankollu mhux b’dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet”.
(Lq 10:1-12,17-20)
Riflessjoni u talba:
i. Morru: araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. Teħdux magħkom …
Homo homini lupus:
fejn wieħed jaħtaf u jiġbed lejh,
fejn il-biża’ tiddetta u taħkem …
Homo homini homo
id-dixxiplu jmur mhux bl-armi u d-difiża
iżda f’paċi mal-fraġilità tiegħu;
jersaq mhux immexxi mill-biża’
iżda bil-fiduċja li taħt il-qoxra tal-“lupu” hemm moħbija qalb.
Irrifletti
- Fejn hemm stedina biex niskopru qalb?
ii. Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu: ‘Is-sliem lil din id-dar’ … Ibqgħu
Alla ma jiżrax il-paċi bl-użu tal-forza,
iżda billi jibni pontijiet ta’ kuntatt u rispett:
bl-umiltà meta jħalli lil min jibqgħu,
bis-sabar ta’ min JIBQA’ –
jgħożż il-persuni kemm meta jqumu burdata tajba u kemm meta le.
Irrifletti
- Liema ġesti ta’ paċi tista’ twettaq? Ma’ min mistieden tibqa’?
iii. Kulu … fejqu … u lin-nies għidulhom: ‘Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom’
Kulu dak li jqiegħdulkom quddiemkom:
irċievu l-arti, il-kultura, d-doni tal-persuni, ir-ruħ tal-poplu.
Fejqu:
irċievu l-ġrieħi, ersqu b’ġentilezza, ġorru t-trawmi tal-persuni, tal-poplu.
Imbagħad tistgħu tgħidulhom “Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom”:
bħala pellegrini mhux bħala ħakkiema!
Imma qisu li tgħidulhom “Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom”:
biex ma jeħlux
biex ikomplu mexjin
biex jinfetħu għall-milja.
Għidulhom ma jeħlux
għax inkella l-kultura issir folklor bla ruħ u ħajja
għax inkella t-trawma tinbidel vendetta
għax inkella l-ħolm li jqanqal umanità isbaħ jitmewwet f’divertiment li jaljena u jnessi.
Irrifletti
- Oqgħod ftit mat-talba: “Tiġi Saltnatek”. Xi tnissel fik?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.