Is-sigurtà ma tiġix mit-trab!
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-23 Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Mulej, int kenn għalina.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, kotra kbira ta’ nies kienet miexja ma’ Ġesù. Hu dar lejhom u qalilhom: “Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lil missieru u ’l ommu u lil martu u lil uliedu, ’il ħutu subien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu. Min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi. Għax min minnkom ikun irid jibni torri u ma joqgħodx bilqiegħda biex l-ewwel nett iqis in-nefqa, ħalli jara għandux biżżejjed biex iwassal sal-aħħar? Għax jekk jiġrilu li jqiegħed is-sisien biex imbagħad ma jkunx jista’ jtemm il-bini, kull min jarah jibda jwaqqgħu għaċ-ċajt u jgħid: ‘Dan il-bniedem beda jibni u ma kellux il-ħila jkompli sal-aħħar’. Jew liema sultan, li jkun sejjer jagħmel gwerra kontra sultan ieħor, ma joqgħodx l-ewwel bilqiegħda biex jara jekk jistax b’għaxart elef raġel iħabbatha ma’ min ġej għalih b’għoxrin elf ruħ? Għax inkella, meta l-ieħor ikun għadu ’l bogħod, ikollu jibgħatlu ambaxxata biex jitolbu l-ftehim għall-paċi. Hekk ukoll ħadd ma jista’ jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx ġidu kollu”.
(Lq 14:25-33)
Riflessjoni u talba:
i. Kotra kbira ta’ nies kienet miexja ma’ Ġesù. Hu dar lejhom u qalilhom …
Ġesù ma jibdiex bin-numri,
juża’ kriterji oħra,
fosthom diskors dirett, onest, anke jekk eżiġenti;
żgur mhux bżar fl-għajnejn,
jew popolarità u populiżmu:
fejn il-mexxej u l-poplu jitilfu ruħhom!
Irrifletti
- Min huma l-mexxejja li fihom rajt diskors onest li jfittex il-ġid veru?
ii. “Min jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi jekk ma jobgħodx lil missieru u ’l ommu u lil martu u lil uliedu, ’il ħutu subien u bniet, u saħansitra lilu nnifsu.”
Dak li qal “min jiġi għandi ma nkeċċihx il-barra” (Ġwanni 6,37),
qal ukoll “mn jiġi għandi ma jistax ikun dixxiplu tiegħi”
jekk “ma jobgħodx”!
Eżiġenti!
Għax aħna nibqgħu nippreferu nafdaw fit-trab –
Ġid, persuni, fina nfusna –
ninsew li trab konna u trab nerġgħu insiru
mingħajr in-nifs ta’ Alla.
U meta niġu għad-deċiżjonijiet tal-ħajja,
jekk ma nagħmlux għażla radikali li ma jmexxina ħadd iktar
ħlief is-sid tal-ħajja,
nibqgħu mal-folla iżda mhux dixxipli tiegħU!
Irrifletti
- Xi tfisser għalik li tkun dixxipli ta’ Ġesù?
iii. “Għax jekk jiġrilu li jqiegħed is-sisien biex imbagħad ma jkunx jista’ jtemm il-bini, kull min jarah jibda jwaqqgħu għaċ-ċajt …”
Għax hemm konsegwenzi serji
jekk ma tieħux responsabbiltà tar-realtajiet diffiċli tal-ħajja (salib),
jekk tfittex soluzzjonijiet ta’ malajr,
jekk timmaġina li s-soluzzjoni tagħhom hija fil-ġid li għandek,
jekk ma taffrontax il-ħajja fid-dawl tal-Vanġelu:
tispiċċa tieqaf nofs triq,
is-suċċess ta’ malajr jinħass li hu farsa!
Irrifletti
- Fejn għandek sinjali li qed juruk li qed tiġri fid-direzzjoni ħażina?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.