Jaf japprezza!

Jaf japprezza!

Niċċelebraw l-Evanġelju tas-27 Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Isimgħu leħen il-Mulej, u twebbsux qalbkom!


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, l-appostli qalu lill-Mulej: “Kattar fina l-fidi!”. Weġibhom il-Mulej: “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut: “Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar”, u hi kienet tisma’ minnkom.
Wieħed minnkom ikollu qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta jidħol mill-għalqa x’se jgħidlu: “Ejja, isa, u oqgħod għall-ikel”? jew: “Lestili x’niekol, ilbes il-fardal u newwilli sa ma niekol u nixrob jien, u mbagħad tiekol u tixrob int”? Jaqaw se jroddlu ħajr lill-qaddej talli jkun għamel li ordnalu? Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kulma tkunu ordnati, għidu: “Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu”..

(Lq 17, 5-10)

pexels/julia volk: we tend to prefer big numbers

Riflessjoni u talba:

i. Kattar fina l-fidi!

Jien mmur fuq il-kemm, fuq l-ammont,
nixtieq is-sigurtà li tiġi mis-saħħa, mill-kobor, mill-perfezzjoni,
inħares u narani fqir:
m’għandix ħafna fidi!

Ġesù jibda minn dak li hemm:
ħaddem dak il-ftit,
iżra’ dik iż-żerriegħa ċkejkna,
u tara kif il-fidi mħaddma tissorprendik!

Irrifletti

  • Mulej jien nemmen! Għinni nħaddem il-fidi ċkejkna tiegħi.
pexes/God knows the power of a small seed


ii…. fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda …

Aħna nibdew minn dak li jonqos, minn dak li ma hemmx!
 
Ġesù jibda minn dak li hemm,
anke jekk ċkejken daqs żerriegħa tal-mustarda.
Il-qalb tiegħU kbira: kapaċi jafda anke fejn aħna għandna fidi li bil-kemm tidher.
 
U din il-fiduċja li għandu fina tqanqal lil din iż-żerriegħa ċkejkna
biex tibda tikber, tħobb, iċċaqlaq (jekk mhux il-muntanji, iċċaqlaq lilna)!

Irrifletti

  • X’tara fik innifsek? X’jara fik Alla?
pexels/elevate: God’s perspective is liberating


iii. Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu.

Aħna nimtlew b’ansjetà,
ninfexxu f’ħidma frenetika
sabiex b’xi mod nakkwistaw valur,
ma nitqisux xejn.
 
Ġesù jeħles minn dan id-dittatorjat li jagħmilna skjavi,
jirrikonċiljana mas-sabiħ li nkunu “sempliċi qaddejja”
biex bla pretensjoni nistgħu niggustaw kull azzjoni li nagħmlu:
għax tajba! … għal xejn aktar!

Irrifletti

  • X’timplika kieku kellek tiggosta dak li qed tagħmel bħalissa?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.