Tmexxija
Niċċelebraw l-Evanġelju tad-19-il Ħadd
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
Wara li n-nies kielu u xebgħu, Ġesù minnufih ġiegħel lid-dixxipli jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru qablu x-xatt l-ieħor, sakemm jibgħat lin-nies. Wara li bagħat lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob. Xħin sar filgħaxija kien għadu hemm fuq, waħdu.
Id-dgħajsa kienet diġa’ f’nofs il-baħar titħabat mal-mewġ, għax kellhom ir-riħ kontra tagħhom. Fir-raba’ sahra tal-lejl mar lejn in-naħa tagħhom miexi fuq il-baħar. Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru. “Dan xi fantażma!”. qalu; u qabdu jgħajtu bil-biża’. Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jien hu, tibżgħu xejn!”. Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma”. “Ejja”, qallu Ġesù. Pietru niżel mid-dgħajsa, u qabad jimxi fuq l-ilma u jersaq lejn Ġesù. Iżda meta ra li r-riħ kien qawwi, baża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat u jgħid: “Salvani, Mulej!”. Malajr Ġesù medd idu u qabdu: “Bniedem ta’ fidi żgħira”, qallu, “għaliex iddubitajt?”.
Meta mbagħad it-tnejn telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf. Dawk li kienu fid-dgħajsa nxteħtu jqimuh u qalulu: “Tassew, int Bin Alla!”. (Mt 14, 22-33)
Riflessjoni u talba:
i. Wara li bagħat lin-nies, tela’ waħdu fuq l-għoljiet biex jitlob.
Ma jinsiex.
Juri kompassjoni man-nies iva,
iżda ma jżommhomx dipendenti fuqu.
Jagħtihom il-meħtieġ għal ħajja
iżda ma jinsiex is-sors ta’ ħajtu.
Ma jinsiex li kien ġie f’dak il-post –
f’post imwarrab –
wara li sema’ bil-qtil ta’ Ġwanni l-Battista.
La jmexxih s-suċċess u lanqas il-biża’:
fit-talb isib il-post lil hinn mill-aġitazzjoni.
Min hemm imexxi!
Irrifletti
- Xi jfisser it-talb għalik?
ii. Huma rawh miexi fuq il-baħar u twerwru. “Dan xi fantażma!”. qalu; u qabdu jgħajtu bil-biża’. Iżda hu minnufih kellimhom u qalilhom: “Agħmlu l-qalb, jien hu, tibżgħu xejn!”
Sakemm nibqgħu fis-superfiċjalità,
jirbaħna l-mewġ:
ma nemmnux li t-tajjeb jista’ jirbaħ fuq il-ħażin
ma nemmnux li xi ħadd jista’ jimxi fuq l-ilmijiet mqallba.
“Dan fantażma.”
Iżda Ġesù jgħaddihom għall-profondità
ta’ dak li skopra waqt li kien jissara fit-talb:
“Agħmlu l-qalb.
Jien hu.
Tibżgħu xejn.”
Irrifletti
- F’liema esperjenzi tal-ħajja mistiedna nirċievu dan il-kliem?
iii. Wieġeb Pietru u qallu: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma”. “Ejja”, qallu Ġesù.
Il-biża’ kapaċi jipparalizzana:
l-esperjenza tal-ħażen ta’ madwarna
kapaċi iġġibna ċiniċi jew pessimisti;
l-esperjenza tas-suċċess tista’ twassalna biex nieqfu
fi glorja apparenti, f’kumdità li ma tagħtix frott.
Ġesù jqanqal biex wieħed jiċċaqlaq, jimxi:
wara s-suċċess jibgħathom jaqdfu għal xatt ieħor, jaffrontaw il-ħażen li baqa’;
quddiem l-esperjenza tal-baħar imqalleb, jgħid “Ejja”.
Jagħti sfida imma jagħti l-qawwa wkoll.
Irrifletti
- Fil-ħajja tiegħek illum, xi tfisser għalik l-istedina “Ejja”? Xi tfisser timxi fuq l-ilma?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.