Ħallih jissorprendik!

Ħallih jissorprendik!

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-25 Ħadd

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed sid li ħareġ filgħodu kmieni ħafna biex isib nies għax-xogħol u jħaddimhom fl-għalqa tiegħu tad-dwieli. Ftiehem ma’ xi ħaddiema b’dinar kull jum u bagħathom l-għalqa. Ħareġ ukoll madwar it-tielet siegħa, ra oħrajn qegħdin fil-pjazza, bla xogħol, u qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa, u nagħtikom li jkun ħaqqkom”. U marru.


Raġa’ ħareġ għal xi s-sitt siegħa u mbagħad għal xi d-disgħa siegħa, u għamel l-istess. Għall-ħabta tal-ħdax-il siegħa raġa’ ħareġ u sab oħrajn qiegħda, u qalilhom: “Għaliex qegħdin hawn il-jum kollu ma tagħmlu xejn?”. Qalulu: “Għax ħadd ma qabbadna”. Qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa”.
Għal fil-għaxija mbagħad sid l-għalqa qal lill-prokuratur tiegħu: “Sejjaħ lill-ħaddiema u ħallashom, ibda minn dawk li ġew l-aħħar u spiċċa b’dawk tal-ewwel”. Ġew dawk li daħlu għax-xogħol fil-ħdax-il siegħa u ħadu dinar kull wieħed. Ġew tal-ewwel, u stennew li kienu se jirċievu iktar, iżda huma wkoll ħadu dinar kull wieħed. Huma u jitħallsu qabdu jgemgmu kontra s-sid u jgħidu: “Dawn tal-aħħar siegħa waħda għamlu, u int qisthom bħalna li tgħabbejna bil-piż tal-jum u s-sħana!”.
Qabeż is-sid u qal lil wieħed minnhom: “Ħabib, minn xejn ma nqastek jien; mhux b’dinar ftehemt miegħi? Ħu li jmissek u itlaq. Lil dan tal-aħħar irrid nagħtih daqs kemm tajt lilek. Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien? Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?”. Hekk tal-aħħar jiġu l-ewwel, u tal-ewwel jiġu l-aħħar”.

(Mt 20, 1-16a)

pexels/rethu krrish: equal but … but what?

Riflessjoni u talba:

i. “Sejjaħ lill-ħaddiema u ħallashom, ibda minn dawk li ġew l-aħħar u spiċċa b’dawk tal-ewwel”

Jew iħobb jinki
jew għanduxi ħsieb ieħor!

Hemm min jipprovoka biex iweġġa’
hemm min iċaqlaq l-ilma biex iżommu frisk.

Tista’ tisma’ storja biex taljena u taħrab mill-ħajja
tista’ ssegwi rakkont u tħallih jibdillek il-perspettiva fuq il-ħajja.

Irrifletti

  • Xi tqanqal fik din il-parabbola?
pexels/marlene leppanen: friendship opens new vistas


ii. 
Ħabib, minn xejn ma nqastek jien; mhux b’dinar ftehemt miegħi?

Kont ser nikkonkludi l-ġurnata
b’sentiment negattiv
nara lili nnifsi bħala xi ħadd li kellu jaħdem u jbati
bl-unika sodisfazzjon li jkolli aktar minn ħaddieħor.
 
L-istorja tgħinni nikkonkludi l-ġurnata
bis-sorpriża li minn kmieni kelli moħħi mistrieħ mill-ġurnata
bis-sorpriża li ma naranix bħala skjav tax-xogħol iżda “ħabib” afdat
bis-sorpriża jien u nara l-kontribut li qed nagħti
jien u nitħabat bħala professjonist, omm/missier, qassis, ħabib …
bis-sorpriża li kapaċi nifraħ bil-ġid ta’ ħaddieħor:
bil-ġenerożità tas-sid,
jien u nara d-demgħa ta’ min għamel ġurnata qalbu mtertqa hux se jsib xogħol
u fl-aħħar isib ħabib ukoll.

Irrifletti

  • Fejn kellek esperjenza ta’ sorpriża sabiħa?

pexels/narishsitnv: stories that heal


iii. Lil dan tal-aħħar irrid nagħtih daqs kemm tajt lilek. Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien? Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?”

Ir-raġunament tagħna jibqa’ jidher li jagħmel sens:
ir-reazzjonijiet għal din il-parabbola baqgħu l-istess bħal dawk ta’ elfejn sena ilu!
 
La kollha qed naqblu jfisser
li jew għandna raġun aħna u Ġesù le
jew inbatu mill-istess marda li għandha dejjem bżonn fejqan
permezz ta’ storja, permezz ta’ mistoqsija,
permezz ta’ ħajjiet li jieħdu ħsieb lil tal-aħħar ukoll:
“Jew qed tgħir għax jien qalbi tajba?”

Irrifletti

  • Fejn tixtieq tiċċelebra rebħa fuq l-għira?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.