Għal dejjem
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-34 Ħadd
Solennità ta’ Kristu Sultan
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosna
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż: in-nagħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug.
Imbagħad is-Sultan jgħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu: “Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li tħejjiet għalikom sa mill-ħolqien tad-dinja. Għax jien kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni”.
Imbagħad iweġbuh il-ġusti: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek? Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?”.
U s-Sultan iweġibhom u jgħid: “Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”.
Imbagħad jgħid ukoll lil dawk ta’ fuq ix-xellug: “Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li tħejja għax-xitan u għall-anġli tiegħu. Għax jien kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix, kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma libbistunix, kont marid u fil-ħabs u ma ġejtux iżżuruni!”.
Imbagħad huma wkoll iweġbuh: “Mulej, meta rajniek bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew barrani, jew għeri, jew marid, jew fil-ħabs, u aħna ma waqafniex miegħek?”.
Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed min dawk iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh”.
U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem”.
(Mt 25, 31-46)
Riflessjoni u talba:
i. Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin …
M’inix sempliċi vittma taċ-ċirkustanzi, tal-passat, tat-trobbija,
m’inix persuna bla responsabbiltà, bla futur, bla dinjità:
Bin il-bniedem jiġi fil-glorja
l-Imsallab jiġi bħala l-irxuxtat
is-Sultan jiġi bħala Ragħaj:
il-ħajja tiegħi lejH miexja.
Insib il-kuraġġ li nieħu deċiżjonijiet illum
nagħmel għażliet fid-dawl tal-futur:
tħallix il-passat jipparalizzak
imma l-imħabba tispirak!
Irrifletti
- Il-ġudizzju tal-aħħar kif jgħinek tiġġudika x’l-aħjar illum?
ii. “Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”.
Tfittixx ħwejjeġ kbar
tagħmilx proġetti kbar biex tgħin
tużax lil ħaddieħor għas-suċċess tiegħek!
Imma irrispondi għaċ-ċokon
ħalli l-qalbek tintmess mill-umli:
bla ma tinduna issib lilek innifsek f’Alla.
Irrifletti
- Tgħin biex tidher jew tinħeba biex tgħin?
iii. U dawn imorru fit-tbatija ta’ dejjem u l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem”
Hemm għażliet li jaljenawni mill-ħajja
li jwassluna biex nitlef l-iskop;
Hemm persuni li jqajmu fija l-kapaċità li nħobb,
il-grazzja li nidħol fil-ħajja … dik ta’ dejjem.
Moħbi fir-realtà, niskopri li hemm Ġesù Rxoxt
Jgħidli “Lazzru, oħroġ”.
Irrifletti
- Xi jfissru l-kelmiet “għal dejjem”?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.