Morru

Morru

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-15-il Ħadd – B.

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek, u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù sejjaħ it-Tnax, u beda jibgħathom tnejn tnejn, filwaqt li tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena. U wissiehom biex ma jieħdu xejn magħhom għat-triq ħlief ħatar: la ħobż, la ħorġa, lanqas flus fi ħżiemhom; imma li jilbsu l-qrieq u ma jxiddux żewġ ilbiesi.
Qalilhom: “Fejn tidħlu f’xi dar, ibqgħu fiha sa ma titilqu minn hemmhekk. U jekk xi post ma jilqagħkomx u ma jisimgħukomx, itilqu minn hemm u farfru t-trab minn taħt saqajkom bħala xhieda kontrihom”.
Ħarġu mela jxandru biex in-nies jindmu; u keċċew bosta xjaten, u dilku ħafna morda biż-żejt u fejquhom. (Mk 6, 7-13)

pexels/griffinw: not alone or self-sufficient

Riflessjoni u talba:

i.  Ġesù sejjaħ it-Tnax, u beda jibgħathom tnejn tnejn, filwaqt li tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena.

Alla li jista’ kollox –
imħabba li tista’ kollox –
ma jiġix bħal persuna “indispensabbli”
li jikkonċentra l-poter f’idejh
u meta hemm hu, ma jiekol ħadd;
 
imma jiġi bħala persuna fil-bżonn tat-tnax
u ta’ tant oħrajn;
jiġi bħala dak
li jibgħat, jafda, jissogra
li jibgħat tnejn tnejn, biex huma wkoll ma jimlewx rashom,
huma wkoll ma jaħsbux li indispensabbli
li jibgħat b’setgħa, b’dinamiżmu li jċaqlaq,
li jeħles mill-ispirti ħżiena
li jwaqqfu l-persuni milli jgħixu, jafdaw, iħobbu.

Irrifletti

  • Fejn għandek tendenza li taħseb li indispensabbli? Kif jispirak Ġesù?
pexels/madmaxhasan: ready to reach out.


ii. 
U wissiehom biex ma jieħdu xejn magħhom għat-triq ħlief ħatar: la ħobż, la ħorġa, lanqas flus fi ħżiemhom; imma li jilbsu l-qrieq u ma jxiddux żewġ ilbiesi.

L-għerf ta’ Alla jista’ jidher bluha:
aktar inħossni fiż-żgur
jekk b’saħħti, jekk għandi għal kulma jista’ jinqala,
jekk komdu.
 
Imma x’jiġri mill-fiduċja jekk nitmexxa mill-biżà?
X’użu jibqagħlu s-sandli u l-bastun
jekk nintrabat mal-kumdità?
 
Li jimla l-vojt tal-bniedem
mhix is-sigurtà u l-kumdità
iżda meta jħobb u jkun maħbub
meta jaqgħu il-ħitan u l-maskri bejn il-ħbieb
meta wieħed ma tkunx mimli bih innifsu,
bil-ħobż jew bil-flus;
 
U jekk ser tieħu xi ħaġa miegħek fil-vjaġġ tal-ħajja,
qis li tieħu dak li jgħinek ma tistaġnax
dak li jgħinek tibqa’ miexi
il-ħatar … il-qorq.

Irrifletti

  • Fejn hemm riskju li teħel fil-kumdità?

pexels/julia m cameron: the gospel shared through relations


iii. Qalilhom: “Fejn tidħlu f’xi dar, ibqgħu fiha sa ma titilqu minn hemmhekk. U jekk xi post ma jilqagħkomx u ma jisimgħukomx, itilqu minn hemm u farfru t-trab minn taħt saqajkom bħala xhieda kontrihom”.

Fl-istil ta’ Alla hemm libertà kbira,
mhux dipendenti fuq is-suċċess:
la jimponi u lanqas jisforza.
 
Fl-istil ta’ Alla hemm imħabba kbira:
mhux indifferenza li tgħid “agħmel li trid” (farfru t-trab)
iżda impenn f’relazzjonijiet li jieħdu ż-żmien (dar).

Irrifletti

  • Kif jispirawk il-libertà u l-imħabba t’Alla?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.