Kenn

Kenn

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-32 Ħadd – B.

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù kien qiegħed jgħallem fit-tempju u jgħid: “Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa”. Ġesù kien qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi żewġ ċenteżmi. Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor. Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kulma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix”.

(Mk 12:38-44)
 

pexels/cottonbro: no place for the other except to admire and serve me

Riflessjoni u talba:

i. Ġesù kien qiegħed jgħallem fit-tempju u jgħid: “Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu.

Hemm prezz li jitħallas meta nagħlaq għajnejja
meta persuni jużaw il-pożizzjoni għall-gwadann personali –
għall-unur, għall-privileġġ, għall-perks oħra –
meta persuni jużaw it-tajjeb mhux għax jemmnu fih iżda fejn jaqblilhom;
 
Hemm prezz li jitħallas:
jitberbaq u jinħela l-ġid ta’ min l-aktar fil-bżonn.

Irrifletti:

  • Xi jfisser għalik li tiftaħ għajnejk għal dan kollu?
pexels/saidpexels: discreet presence


ii. Ġesù kien qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi żewġ ċenteżmi.

Ġesù għajnejh miftuħa – ma tagħmillux bżar fuq imnieħru:
 
jinnota kif l-għonja “bdew jitfgħu ħafna”:
jitfgħu u jibqgħu hemm
fejn jidhru, fejn jagħmlu kuntatti ma’ sinjuri oħr,
fejn il-poter jissaħħaħ.
 
Jinnota mara,
jagħraf li armla,
jinduna li fqira
 
jinnota kif tersaq –
bħal dawk li ma jinnutahom ħadd –
tersaq, tagħti, terġa lura
 
insinifikanti, hi u l-ammont li tat
imma mhux għal Ġesù.

 

Irrifletti

  • X’jinnota Alla fik?
pexels/goumbik: trust is life-giving


iii. Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor. Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kulma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix”.

Hemm “dawk” li jagħtu miż-żejjed
beżgħana li jispiċċalhom il-ġid, beżgħana mill-mewt.
 
Hemm “din” l-armla fqira li tefgħet “dak kollu li kellha biex tgħix”
Ħielsa quddiem il-limitu, tgħix ħajja mhux taħrab il-mewt.
 
Dawk b’qalb mimlija jfittxu l-interess personali, l-vanità, l-ipokrisija, l-abbuż tal-poter
Dik b’qalb ħielsa, li tagħti ħajjitha, li tagħmel l-affarijiet bil-qalb.

Irrifletti

  • Ikkontempla lil Ġesù: m’għandux fejn imidd rasu imma għax jagħti ħajtu ħaddieħor isib kenn.


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.