Il-Kelma li ddawwal.
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-3 Ħadd tas-Sena – C.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Il-kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Bosta kienu dawk li ħadu f’idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni f’rakkont wieħed il-ġrajja li seħħew fostna, kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b’għajnejhom stess u saru ministri tal-Kelma. Hekk ukoll jien, għażiż Teofilu, wara li bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif dwar kulma ġara sa mill-bidu nett, deherli li għandi niktiblek kollox ħaġa b’ħaġa, biex tagħraf sewwa l-verità sħiħa dwar kulma tgħallimt.
Jum wieħed, Ġesù, bil-qawwa tal-Ispirtu, reġa’ mar il-Galilija; u l-fama tiegħu xterdet ma’ dawk l-inħawi kollha, għax hu kien jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir ta’ kulħadd. U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Iżaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:
“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani.
Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
irrodd il-ħelsien lill-maħqurin
u nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej”.
Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”.
(Lq 1:1-4; 4:14-21)
Riflessjoni u talba:
i. Jum wieħed, Ġesù, bil-qawwa tal-Ispirtu, reġa’ mar il-Galilija; … U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Iżaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej.
Mhix drawwa superfiċjali
ta’ persuna passiva
drawwa li taljena
imma deċiżjoni profonda
fejn jaqra ħajtu b’mod kostanti fid-dawl tal-Kelma
u issa jħalliha timmarka s-sens tal-ministeru kollu tiegħu.
Irrifletti:
- X’post għandha l-Kelma t’Alla f’ħajtek?
ii. “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani.
Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
irrodd il-ħelsien lill-maħqurin
u nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej”.
X’sens għandha kull ġurnata li ngħix?
X’qed nipprova nagħmel?
Liema kelma ngħid? Liema deċiżjoni nieħu?
Nissara waħdi? Irrid nagħmel isem għalija?
L-Ispirtu fuqi … kkonsagrani … bagħatni.
F’kull għażla nfittex li
nagħti tama lil min imjassar,
noffri dawl għal min imqarraq,
niftaħ possibilitajiet ta’ ħajja anke għal min mormi.
Irrifletti
- X’jiddetermina s-sens tal-ħajja tiegħek?
iii. Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”.
Ġesti juri riverenza kbira
xħin jagħlaq il-ktieb
xħin jgħaddih lill-qaddej
fis-silenzju ta’ smiegħ xħin joqgħod bilqiegħda
fl-apprezzament u l-attenzjoni għall-Kelma li qed sseħħ illum.
Irrifletti
- Fejn tara stedina biex turi riverenza għall-Kelma t’Alla f’ħajtek?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.