Inbid ġdid.

Inbid ġdid.

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-2 Ħadd tas-Sena – C.

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Xandru fost il-popli kollha l-għeġubijiet tal-Mulej.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu.
 
Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid”. U Ġesù qalilha: “X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”. Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”.
 
Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, imqiegħda hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull waħda minnhom tasa’ xi mitt jew mija u għoxrin litru. Ġesù qal lill-qaddejja: “Imlew il-ġarar bl-ilma”. U dawk imlewhom sax-xifer. Imbagħad qalilhom: “Issa ħudu minnu u newluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda”. U huma marru jagħtuhulu. Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus u qallu: “Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa”.
 
Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.

(Ġw 2, 1-11)

pexels/aviz: God’s way of preparing for joy.

Riflessjoni u talba:

i. Sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu.

Fil-ħajja hemm l-istampa l-kbira
u hemm id-dettall
 
Hemm It-tieġ li jimmarka l-kalendarju tar-raħal – Kana
u hemm il-mistednin u dak li jġibu magħhom.
 
Hemm iż-żifna tal-miżżewġin il-ġodda
u l-ħidma minn wara l-kwinti li tagħmel iż-żifna possibbli.

Irrifletti:

  • X’hemm jiġri fis-skiet?
pexels/ivan samkov: the first steps of  trust.


ii. Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid”. U Ġesù qalilha: “X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”. Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”.

L-inbid spiċċa
iżda x’ser jiġri mhux ċar.
 
Omm Ġesù tinfurmah
iżda x’ser jagħmel mhux ċar.
 
Lill-qaddejja kellmithom
iżda x’ser jgħidilhom mhux ċar.
 
Xejn m’hu ċar, iżda xorta tagħmel il-pass:
taf li ż-żifna l-Mulej iridha.

Irrifletti

  • Fejn mistednin nagħmlu l-pass qabel ikollna kollox ċar?
pexels/ivan samkov: sharing in God’s joy.


iii.  [Dak li jieħu ħsieb il-mejda]: Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus u qallu: “Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa”.

L-għarus ma jafx li spiċċa l-inbid
u dak li jieħu ħsieb il-mejda ma jafx mnejn ġie
 
Imma l-qaddejja jafu
li hemm min jibdel l-ilma f’inbid
li l-ħajja tibda miċ-ċokon
li Alla jkellem lill-umli
li s-sorpriża t’Alla tasal minn fejn ma tistennihiex
li ma’ Alla l-ewwel passi taż-żifna jibdew mill-qaddejja
li jagħmlu dak li jgħidilhom Hu.

Irrifletti

  • Fejn issorprendiek Alla?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.