
Tibżax tinbidel!
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-3 Ħadd tar-Randan – C.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Ħanin u twajjeb il-Mulej.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, ġew xi wħud għand Ġesù u qalulu b’dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom. U Ġesù qabad u qalilhom: “Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom. Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta’ Ġerusalemm? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda”.
U qalilhom din il-parabbola: “Wieħed kellu siġra tat-tin imħawla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx. Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa: ‘Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f’din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha! Għax għalfejn se tibqa’ tkidd l-art?’. Iżda dak wieġbu: ‘Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha’”.
(Lq 13:1-9)
Riflessjoni u talba:
i. F’dak iż-żmien, ġew xi wħud għand Ġesù u qalulu b’dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom.
Niltaqgħu, nikkumentaw
fuq traġedja jew oħra
il-vjolenza f’Gaza
is-serqa tad-droga
il-qtil ta’ mara mill-maħbub!!
Inħossni skandalizzat,
superjuri, tajjeb,
u b’mod stramb, komdu!
Irrifletti
- B’liema mod naqra l-ġrajjiet ta’ madwari?
ii. U Ġesù qabad u qalilhom: “Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom.
Jien ukoll hemm fija
traċċi ta’ razziżmu u preġudizzju,
mibegħda u intolleranza,
traskuraġni fuq xogħoli
tfittxija ta’ kontroll fuq l-oħrajn (anke jekk b’mod sottili)
nuqqas ta’ rispett
il-ġid tiegħi jieħu prijorità fuq il-ġid tal-ieħor …
“Jekk ma tindmux –
jekk ma tibdlux
l-iskala tal-valuri tagħkom,
l-istil ta’ ħajja tagħkom
il-qalb tagħkom –
ilkoll tintilfu bħalhom.”
Irrifletti
- Liema bidla jenħtieġ li tagħmel? Liema atteġġjament hemm bżonn tibdel?
iii. “Wieħed kellu siġra tat-tin imħawla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx. Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa: ‘Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f’din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha! Għax għalfejn se tibqa’ tkidd l-art?’. Iżda dak wieġbu: ‘Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha’”.
Hemm sitwazzjonijiet fejn inħossuna helpless
fejn frott ma hemmx
fejn l-unika triq li tagħmel sens hija li tqaċċat.
Dak li jaħdem l-għalqa huwa aktar kuraġġuż!
Jinvolvi ruħu, jieħu responsabbiltà,
jagħti sena biex jieħu ħsieb it-tina
(siġra li normalment ma għandhiex bżonn tant kura).
“Jekk ma tagħmilx frott, aqlagħha” – int mhux jien.
Il-kompassjoni u l-ħniena t’Alla miegħi
tissorprendini … u tħalli l-frott.
Irrifletti
Fejn irċevejt kelma onestà li tinkludi sfida, sabar u ħniena?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.