L-Ispirtu s-Santu.Niċċelebraw l-Evanġelju ta’ Pentecoste.

L-Ispirtu s-Santu.Niċċelebraw l-Evanġelju ta’ Pentecoste.

pexels/dk: receive the Holy Spirit.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem. Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni. Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom”. (Ġw 14, 15-16. 23b-26)

pexels/artempodrez: relational autonomy.

i. “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem.

Hemm awtonomija li tagħlaqna:
insiru liġi għalina nfusna
tiżdied l-esperjenza tal-iżolament.

Hemm awtonomija li tiftaħna:
imħabba li tgħinna nafdaw u nirċievu triq li twassal,
presenza kontinwa ta’ Alla-magħna, Spirtu li jiggwidana.

Irrifletti:
X’inhi l-għażla tiegħek: li tkun alla għalik innifsek jew timxi ma’ Alla l-ħaj?

pexels/vikashkr: become God’s dwelling place.

ii. Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.

Ma’ Alla
li tħares il-kelma tiegħu mhix skjavitù
mhix li tiżvojtja lilek innifsek biex issir xejn

imma li toħloq spazju għal dak li qatt ma nista’ nimmaġina
li fija jiġi jgħammar Alla.

Irrifletti:
Oqgħod ftit mal-kliem “u aħna niġu u ngħammru għandu”. X’tista’ tfisser għalik?

pexels/tommes frites: be aware of the good that is growing.

iii. “Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom.

Nista’ ngħix mitluf
niġri wara kull idea
neħel ma’ ideoloġija
ningħalaq fi ħsieb riġidu bla ħajja
jew nintelaq għal stil ta’ ħajja bla prinċipji.

Nista’ ngħix bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu
li jurina dak li għandu valur veru:
il-persuna ta’ Ġesù li rebaħ il-mewt
it-tagħlim tiegħu – triq, verità, ħajja.

Fl-istess ħin jiftaħni biex nagħraf il-ġdid
it-tajjeb li qed jinbet, l-etern li jidħol f’ħajti,
jgħinni niddistingwi dak li jiswa’ minn dak li jlellex..

Irrifletti:
Itlob l-Ispirtu s-Santu idawwal il-kapaċitajiet tiegħek biex tiżen, tgħarbel, tagħżel.

  1. Missierna
Comments are closed.