Misteru. Niċċelebraw l-Evanġelju tas-Solennità tat-Trinità Qaddisa.

Misteru. Niċċelebraw l-Evanġelju tas-Solennità tat-Trinità Qaddisa.

pexels/jacobyavin: immersed in God.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Mulej, Sid tagħna, kemm hu kbir ismek fl-art kollha!

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni.

Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom”. (Ġw 16:12-15)

pexels/mamun: there’s more to life than control.

i. Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom”.

Jibqa’ dejjem aktar!
Il-misteru ta’ Alla: sbuħija attraenti imma moħbija
Il-ħajja: mhux kontroll iżda vjaġġ
Ħajti: nilmaħ li għandi t-traċċi tal-misteru t’Alla.

Irrifletti:
Xi jfisser għalik li tieqaf quddiem il-misteru?

pexels/pripicart: truth is also a journey.

ii. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni.

Nesperjenzaw il-weġgħa tal-gidba,
Nafu d-diżappunt quddiem dak li hu falz
Id-dinja tagħna nħossuna taqa’ quddiem l-infedeltà.

Nixxennqu għall-Verità.
U l-Ispirtu jqabbadna t-triq lejha
jgħinna nniżżlu l-għeruq fiha
għax jieħu mill-għajn ta’ kollox – il-Missier –
u jqabbadna t-triq għal għandu – Ġesù u l-istil tal-ħajja tiegħu.

Irrifletti:
X’inhi l-esperjenza tiegħek tal-verità? Fejn hemm xewqa fik għall-verità?

pexels/rdne: In God there is closeness, sharing, joy.

iii. Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom.

Il-glorja t’Alla
Ma tidhirx fid-distanza
F’sens ta’ superjorità
F’pussess ġeluż
F’indifferenza u għeluq.

Hemm hena f’Alla
Kull meta t-tajjeb jinfirex
meta bniedem jerġa jsib it-triq
meta jintrebħu d-distanzi u Alla jersaq qrib
meta l-bniedem jispira ruħu minn Alla u jsir jixbħu
meta l-bniedem jersaq lejn ħaddieħor biex jaqsam it-tajjeb
biex jitgħallem mit-tajjeb.

Irrifletti:

Ieqaf ftit f’adorazzjoni t’Alla l-Missier, l-Iben, l-Ispirtu s-Santu.

  1. Missierna

Comments are closed.