
Pietru u Pawlu.
Niċċelebraw l-Evanġelju tas-Solennità ta’ San Pietru u San Pawl.

pexels/uncut mountain: Saint Peter and Saint Paul.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Dawk li jibżgħu mill-Mulej, l-anġlu tiegħu jeħlishom!
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien: Meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “In-nies min jgħidu li hu Bin il-bniedem?” U huma weġbuh: “Xi wħud Ġwanni l-Battista, oħrajn Elija, u oħrajn Ġeremija jew wieħed mill-profeti.” “Imma intom,” qalilhom, “intom min tgħidu li jien?” U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla ħaj.” U wieġbu Ġesù u qallu: “Imbierek int, Xmun, bin Ġona, għax mhux il-laħam u d-demm urewk min jien, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U min-naħa tiegħi ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-ġebla jiena nibni l-Knisja tiegħi, u l-bibien tal-infern ma jegħlbuhiex. Lilek nagħtik l-imfietah tas-Saltna tas-Smewwiet, u kulma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet. (Mt 16:13-19)

pexels/joemcast:
i. Meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “In-nies min jgħidu li hu Bin il-bniedem?” U huma weġbuh: “Xi wħud Ġwanni l-Battista, oħrajn Elija, u oħrajn Ġeremija jew wieħed mill-profeti.”.
Hemm persuni li għalihom Ġesù ma jfisser xejn.
Oħrajn li tilfu l-fiduċja fil-ħajja
weġġgħu wisq u għalqu l-bieb.
Hemm oħrajn li japprezzaw kwalità jew oħra li għandu Ġesù
għandhom aspirazzjonijiet
jixtiequ jibnu dinja aħjar.
Ġesù jieħu lid-dixxipli tiegħu jiltaqgħu man-nies f’salib it-toroq:
l-appostlu Pawlu iterraq dawn it-toroq
biex jaqsam ir-rikkezza tal-fidi li esprima l-appostlu Pietru.
Irrifletti:
Fejn tinsab fil-ħajja?

pexels/luisdalvan: light from light.
ii. “Imma intom,” qalilhom, “intom min tgħidu li jien?” U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla ħaj.”
Inti Dak li jinfed id-dlam,
li tfejjaq l-effetti tal-ħażen li jtarrxu l-qalb
li tgħin lill-bniedem jerġa’ joħlom wara elf diżappunt
li ssostni l-mixja ta’ min bil-għatx għall-verità
li tistieden għal paragrafu ġdid lil min kien ikkonkluda “kollox għalxejn.”
li treġġa l-passjoni fil-qalb li waqfet tħabbat bid-daqqiet ta’ tant kefrija
li tqawwi lill-idealista jwettaq ġesti konkreti ta’ mħabba
li tibdel l-istrutturi tal-ħażen permezz tat-tjubija ġenwina
Inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla l-ħaj.
Irrifletti:
F’hiex temmen?

pexels/farlight: communion and healing.
iii. U min-naħa tiegħi ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-ġebla jiena nibni l-Knisja tiegħi, u l-bibien tal-infern ma jegħlbuhiex. Lilek nagħtik l-imfietah tas-Saltna tas-Smewwiet, u kulma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.
Fuqek Pietru u fuq il-fidi li stqarrejt –
“Int l-Messija, l-Iben ta’ Alla l-ħaj” –
jien nibni l-poplu nisrani
fi Knisja li tittrasmetti l-ħajja
fejn l-bibien li jagħtu għall-mewt ma jirbħux;
Knisja li tinseġ għaqda, sens ta’ appartenenza,
relazzjonijiet dejjiema, rabta m’Alla l-ħaj;
Knisja li tuża l-mediċina tal-ħniena biex tħoll,
tfejjaq, tirrikonċilja, teħles mill-iskjavitù u d-dnub.
Irrifletti:
Min-naħa tiegħek x’sehem mitlub tagħti fil-Knisja?
- Missierna