L-essenzjal.

L-essenzjal.

Niċċelebraw l-Evanġelju tas-sittax il-Ħadd tas-sena.

pexels/lilartsy: seek what is essential.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek?

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, Ġesù daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid. Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Imbagħad resqet u qaltlu: “Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi”. Qabeż il-Mulej u qalilha: “Marta, Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex”. Lq 10:38-42.

pexels/sarah chai: what’s next?

i. Ġesù daħal f’raħal, u laqgħetu għandha waħda mara jisimha Marta. Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid.

Nista’ nibqa’ għaddej, nagħlaq il-bieb u nagħżel li ma narakx.
Nista’ nifraħ bik, nistiednek ġewwa u nħejjilek platt imħawwar.
Nista’ wkoll nieqaf, nisimgħek, u nħallik tkellem lil qalbi.

Irrifletti:
Kif nilqa’?

pexels/shkrabaanthony: listening with the heart.

ii. Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar. Imbagħad resqet u qaltlu: “Mulej, m’intix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi”.

Fi ftit ħin il-mistieden fid-dar
isir dak li jirċievi ċanfira
dak li jirċievi kmand
mingħand dik li laqgħetu għandha.

Sabiex persuna tkun milqugħa tassew,
m’hemmx bżonn biss “il-ħafna xogħol tad-dar”
imma wkoll il-ħidma l-oħra tal-qalb!

Irrifletti:
Fejn tinvesti l-enerġiji tiegħek?

pexels/paolo sanchez: receive!

iii. Qabeż il-Mulej u qalilha: “Marta, Marta! Inti taħseb wisq u tinkwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma waħda hi meħtieġa. U Marija għażlet l-aħjar sehem, li ma jitteħdilhiex”.

Dak li mistieden ġewwa
dak li għalih qed jiġi ppreparat platt imħawwar

isir dak li jistiednek ġewwa
li jarak u jsejjaħlek b’affett: Marta, Marta.
li jara l-ġewwieni, jagħti isem lil dak li jfixklek –
l-aġitazzjoni, l-preokupazzjoni biex nimpressjona,
l-istorbju li nagħmel frott l-inkwiet,
ix-xewqa li xi ħadd jarani u jirrikonoxxini.

Hu wkoll iħejji platt imħawwar
u jiekol miegħi:
jgħaddini lil hinn mill-esperjenza tas-solitudni – “xogħol kollu fuqi biss” –
sakemm niskopri l-essenzjal – “waħda hi meħtieġa”.

Irrifletti:
Xi jfisser għalik terġa tiskopri l-essenzjal?

  1. Missierna

Comments are closed.