
Mibgħuta.
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-erbatax il-Ħadd tas-sena
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Għajtu bil-ferħ lil Alla.
- Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien, il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu. U qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit! Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu! Morru: araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd. Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu: ‘Is-sliem lil din id-dar’. U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa’ lura għandkom. Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra. F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; fejqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom: ‘Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom’”. Lq 10:1-9
- Riflessjoni/talba:
i. il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu. U qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit! Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu!
Ġesù jagħżel u għalhekk
jeħles mill-iskjavitù tal-passività fil-ħajja,
tar-rassenjazzjoni quddiem l-isfidi,
tal-aljenazzjoni f’divertiment-ħarba.
Imma jeħles ukoll
minn sens ta’ superjorità jew tfittxija biex nidher (tnejn, tnejn)
minn protagiżmu żbaljat fejn insir iċ-ċentru (bagħathom fejn se jmur hu)
minn illużjoni li l-qawwa ġejja minni (itolbu lil Sid il-ħsad).
Irrifletti:
Kif twieġeb għas-sejħa t’Alla?

ii. Morru: araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd.
Qed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup.
Stennew (u araw) li l-aġir tagħkom jistona
meta tagħżlu li turu solidarjetà f’ambjent egoista
li tagħżel li taqsam il-ġid flok l-individwaliżmu
li tkun onest fejn għaddej il-qerq
li tkun ġust f’nofs l-illegalità
li tagħżel li tgħid le għall-ħażin anke meta għal għan tajjeb
li tirrispetta l-ħajja f’kull fażi u kull ħajja umana
u mhux meta faċli jew lil min jaqbilli,
li terfa’ l-ħsieb tiegħek lejn Alla anke fejn jinħass li sparixxa.
Irrifletti
Liema ġesti mistieden tagħmel?

(©2019 World Vision/photo by Jon Warren)
iii. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra. F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; fejqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom: ‘Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom.
Mhix kwistjoni ta’ maġija, ta’ bidliet f’daqqa
hemm mixja mal-persuni:
apprezzament tat-tajjeb miżrugħ fihom
fejqan ta’ dak li hu miġrugħ
sens ta’ tama f’dak li Alla qed jaqsam
magħhom u miegħek.
Irrifletti
X’attitudnijiet imexxuk inti u tfittex li tagħmel il-ġid?
- Missierna