Tħabtu

Tħabtu

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-wieħed u għoxrin Ħadd.

pexels/harshdeep mishra: the Lord’s determination.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda jgħallem f’xi bliet u rħula. U kien hemm wieħed qallu: “Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?”. U huwa weġibhom: “Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx. Għax meta sid id-dar ikun qam jagħlaq il-bieb, intom tibqgħu barra, u tibdew tħabbtu l-bieb u tgħidu: ‘Mulej, iftħilna!’. Iżda hu jweġibkom u jgħid: ‘Ma nafx mnejn intom’. Imbagħad taqbdu tgħidulu: ‘Kilna u xrobna miegħek aħna, u int għallimt fil-pjazez tagħna’. Hu jwieġeb u jgħidilkom: ‘Ma nafx mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li mhux sewwa!’. Hemmhekk ikun hemm il-biki u tgħażżiż tas-snien, meta taraw lil Abraham u lil Iżakk u lil Ġakobb u l-profeti kollha fis-Saltna ta’ Alla, u intom imkeċċija ’l barra. U jiġu nies mil-Lvant u mill-Punent, mit-Tramuntana u min-Nofsinhar, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta’ Alla. U araw, hawn min hu tal-aħħar u għad ikun l-ewwel, u hawn min hu tal-ewwel u għad ikun l-aħħar”. Lq 13:22-30.

pexels/alex gozo: it’s your turn.

i. F’dak iż-żmien, huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda jgħallem f’xi bliet u rħula. U kien hemm wieħed qallu: “Mulej, jaqaw ftit huma dawk li jsalvaw?”. U huwa weġibhom: “Tħabtu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax kif ngħidilkom jien, ħafna għad ifittxu li jidħlu u ma jirnexxilhomx.

Lil Ġesù rah konvint, determinat,
b’sens ta’ urġenza u direzzjoni
miexi lejn Ġerusalemm

imma mhux b’ansjetà ta’ min ma għarafx l-imħabba tal-Missier
iżda b’konvinzjoni li jekk ma titħabatx biex tgħammar f’Alla
il-ħażen jibqa’ jidher rebbieħ u ħafna jċedu.

Irrifletti:
X’jimmarkak fil-ħajja – it-telqa jew il-ħeġġa?

pexels/ your life or just a decoration?

ii. Imbagħad taqbdu tgħidulu: ‘Kilna u xrobna miegħek aħna, u int għallimt fil-pjazez tagħna’. Hu jwieġeb u jgħidilkom: ‘Ma nafx mnejn intom; morru minn quddiemi, intom ilkoll li tagħmlu dak li mhux sewwa!

Kemm faċli nibqa’ fuq livell superfiċjali fil-ħajja:
għax ħadt ritratt miegħU (fil-magħmudija, l-preċett, il-festa …)
għax għaddiet il-purċissjoni, għax l-iskola msemmija għalih,
għax “ma qtilt lil ħadd” … kollox sew

U ninsa li biex tkun dixxiplu trid timxi warajH
trid tħalli l-qalb tintmess, trid tevalwa l-prijoritajiet,
lill-ħażin trid tiqaflu, trid toħroġ għonqok biex tagħmel it-tajjeb:
lil Alla li ħabbek, ħobbu!

Irrifletti:
Fejn hemm bżonn tieħu l-Vanġelu aktar bis-serjetà?

pexels/yavuz pancarenken: journeying for truth.

iii. U jiġu nies mil-Lvant u mill-Punent, mit-Tramuntana u min-Nofsinhar, u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta’ Alla. U araw, hawn min hu tal-aħħar u għad ikun l-ewwel, u hawn min hu tal-ewwel u għad ikun l-aħħar.

Staqsieh jekk hux ftit ser isalvaw.
Lil Ġesù rah għaddej, determinat, tielgħa Ġerusalemm.
Forsi ħaseb li qed jitħabat isalva lilu nnifsu ladarba hemm ftit postijiet.

Imma Ġesù tielgħa Ġerusalemm għax jaf
li l-Vanġelu għandu qawwa li ssalva lil kulħadd –
nies mill-Lvant u l-Punent, mit-Tramuntana u min-Nofsinhar –

imma jaf ukoll li f’Ġerusalemm
se jiltaqa’ ma’ min hu tal-ewwel u faċli jimtela bih innifsu u jfittex li joqtol is-sewwa;
se jiltaqa’ ma’ min hu tal-aħħar imma jħalli lilu nnifsu jiġi sorpriż mill-grazzja u jsalva.
(Ara l-kapijiet li għajjtu “Sallbu” – ara l-ħalliel it-tajjeb ilissen “Ftakar fija”.)

Irrifletti:
Fejn hi qalbek?

  1. Missierna

Comments are closed.