Tistenna.

Tistenna.

Niċċelebraw l-Evanġelju tad-dsatax il-Ħadd tas-sena.

pexels/jeffrey czum: waiting eagerly.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Hieni l-poplu li l-Mulej għażel b’wirtu.

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna! Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar. Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll. Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih. Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom. U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma! Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel, ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem”.
Qallu Pietru: “Mulej, din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew għal kulħadd?”. Wieġbu l-Mulej: “Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f’ħin l-ikel? Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan. Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f’idejh. Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f’qalbu: ‘Sidi jiddawwar ma jiġi’, u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, irġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor; sid dak il-qaddej jasal f’jum meta ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għall-għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li mhumiex fidili. U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madankollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla’. Min imbagħad, bla ma jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu”. Lq 12: 32-48.

pexels/jess vide: facing our limits.

i. “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna! Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar. Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll.

Nibżgħu għax narawna ċkejkna.
X’nista’ nagħmel quddiem il-forzi li jmexxu d-dinja?
X’differenza ser nagħmel meta r-riżorsi limitati?
X’qawwa għandha l-kelma tal-Vanġelu quddiem il-manipulazzjoni tal-algorithms?

Tibżgħu xejn: hemm verità li ħierġa mill-profondità tal-qalb ta’ Alla
li qatt tikber ftit ftit, u qatt ma tista’ titmermer.

Irrifletti:
Minn dak li għaddej bħalissa, xi tħoss l-aktar bħala theddida?

pexels/yungsaac: the light of hope.

ii. Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih. Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom.

Hemm żmien li donnu ma jgħaddi b’xejn!
Dlam li jġib id-dlam,
l-ebda ċaqliqa

Imma l-qalb temmen f’min iħobbha
Għajnejha miftuħa beraħ fid-dlam
tistenna b’fiduċja.

Ħin bla waqt
il-qalb timtela’
b’tgħanniqa mit-tieġ.

Irrifletti:
Fejn doqt il-mument ta’ Alla?

pexels/hson: active hope.

iii. Wieġbu l-Mulej: “Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f’ħin l-ikel? Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan. Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f’idejh.

L-istennija b’fiduċja
mhix l-idejn mitluqa
ir-rassenjazzjoni mtarrxa.

Tissarraf fl-aġir ta’ nies ta’ kwalità –
ta’ ħafna fedeltà u għaqal –
aġir li jispira aktar fiduċja!

Irrifletti:
B’liema mod qed tkun għaqli fil-ħwejjeġ t’Alla?

  1. Missierna

Comments are closed.