Ħabbat il-bieb!

Ħabbat il-bieb!

Niċċelebraw l-Evanġelju tas-sitta u għoxrin Ħadd.

pexels/ana benet: door closed.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!

  1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Fariżej: “Mela kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar. U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru, bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani. Sal-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu.
Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Imbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh. Dan, kif sab ruħu fi tbatijiet ħorox f’Art l-Imwiet, rafa’ ħarstu, u mill-bogħod lemaħ lil Abraham, b’Lazzru fi ħdanu. U għolla leħnu u qallu: “Missier Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq f’dan in-nar”.
Iżda Abraham qallu: “Ibni, ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati. Barra minn dan, hemm vojt bla qies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid jaqsam minn hawn għal għandkom ma jkunx jista’, u anqas ma jgħaddu minn hemm għal għandna”. Qallu l-għani: “Mela nitolbok, missier, ibagħtu f’dar missieri, għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma jmorrux huma wkoll jiġu f’dan il-post ta’ tbatijiet ħorox!”. Qallu Abraham: “Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom”. Qallu dak: “Le, missier Abraham, imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu”. Iżda wieġbu Abraham: “Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu”. Lq 16:19-31

pexels/kpaukshtite: blocking or opening?

i. F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Fariżej: “Mela kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar. U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru, bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani.

Hemm bieb li faċli nżommuh magħluq:
Il-bieb taċ-ċertezza falza li jien tajjeb u l-oħrajn ħżiena,
u l-ħżiena tajbin biss biex jintremew.
Il-bieb tal-ġid, tal-lussu, tal-kumdità – kollox idur miegħi,
lil hinn minn dak il-bieb ma’ hemm ħadd.

Il-bieb inżommuh magħluq
u l-qalb tingħalaq f’ħabs.

U Ġesù jiġi jħabbat fuq il-bieb tal-Fariżew u tiegħi:
iħabbat għal darba tnejn tlieta,
il-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa, tal-iben il-ħali, tal-għani u Lazzru:
Iftaħ il-bieb, oħroġ, ħalli lil qalbek tintmess.

Irrifletti:
Liema sitwazzjonijiet iġiegħlu lil qalbek tingħalaq? Fejn qed iħabbat il-bieb?

pexels/benprater: small step, great courage.

ii. U għolla leħnu u qallu: “Missier Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni” … “Barra minn dan, hemm vojt bla qies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid jaqsam minn hawn għal għandkom ma jkunx jista’, u anqas ma jgħaddu minn hemm għal għandna”.

L-għatba tal-bieb mhix kbira:
imma trid kuraġġ
biex toħroġ, tara, tiltaqa’
tagħder, tintmess mir-realtà, tinbidel.

Imma wara l-mewt
l-għatba issir vojt bla qies.

Issa l-ħin
Biex immur lil hinn mill-għatba.

Irrifletti:
Liema pont nista’ nibni illum? Lejn min?

pexels/cagri kurt: door of freedom.

iii. “Le, missier Abraham, imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu”. Iżda wieġbu Abraham: “Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu”.

Mhux aħjar kieku Alla jifqa’ l-bieb
u joħroġ lill-għani ‘l barra mill-għatba?

Għaliex jibqa’ jagħżel li jiġi jittallab,
barra mill-għatba,
jħabbat?

Tgħid għax ma qatax qalbu
li nistgħu niftħu l-bieb b’libertà?
Tgħid għax ma qatax qalbu
mill-umanità?

Irrifletti:
Liema fiduċja tiżra’ fik din il-parabbola?

  1. Missierna

Comments are closed.