
Issa x’ser nagħmel?
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-ħamsa u għoxrin Ħadd.

pexels/chinmay singh: taking stock.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Faħħru lill-Mulej, li jerfa’ l-fqir.
1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kien hemm raġel għani li kellu amministratur, u lil dan xlewh lil sidu li kien qiegħed iberbaqlu ġidu. Għalhekk is-sid sejjaħlu u qallu: ‘Dan x’inhu li qiegħed nisma’ fuqek? Agħtini kont tal-amministrazzjoni tiegħek, għax ma tistax tibqa’ iżjed amministratur tiegħi’. L-amministratur bejnu u bejn ruħu qal: ‘Issa x’sejjer nagħmel, ladarba sidi se jneħħini mill-amministrazzjoni? Immur nagħżaq? Ma niflaħx. Nittallab? Nistħi. Naf x’nagħmel, ħalli meta nitwarrab minn fuq din l-amministrazzjoni, insib lil ħaddieħor li jilqagħni għandu’.
U wieħed wieħed bagħat għal dawk li kellhom jagħtu lil sidu. ‘Kemm għandek tagħtih lil sidi?’, staqsa lill-ewwel wieħed. ‘Mitt barmil żejt’, wieġbu dak. Qallu l-amministratur: ‘Oħroġ il-karti tiegħek, oqgħod bilqiegħda malajr u ikteb ħamsin’. Lil ieħor staqsieh: ‘U int, kemm għandek tagħti?’. ‘Mitt xkora qamħ’, wieġbu. Qallu: ‘Oħroġ il-karti tiegħek u ikteb tmenin’.
U s-sid faħħru lil dak l-amministratur ħażin talli ħadem b’rasu. Għax ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom. U jiena ngħidilkom: agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta’ qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta’ dejjem.
Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f’ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna. Jekk mela ma wrejtux ruħkom fidili fil-qligħ il-ħażin, min se jafdalkom il-ġid veru? U jekk ma wrejtux ruħkom fidili f’dak li hu ta’ ħaddieħor, min se jagħtikom dak li hu tagħkom? Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus”.
Lq 16:1-13.

pexels/rodolfoclix: knowing one’s limits. |
i. L-amministratur bejnu u bejn ruħu qal: ‘Issa x’sejjer nagħmel, ladarba sidi se jneħħini mill-amministrazzjoni? Immur nagħżaq? Ma niflaħx. Nittallab? Nistħi. Naf x’nagħmel, ħalli meta nitwarrab minn fuq din l-amministrazzjoni, insib lil ħaddieħor li jilqagħni għandu’.
Jirrealizza s-sitwazzjoni prekarja
jagħraf il-limitazzjonijiet tiegħu
jiżen il-possibilitajiet
jieħu deċiżjonijiet fil-ħin
jinvesti fir-relazzjonijiet –
żgur li ma tistax tgħidlu bniedem mitluq.
Irrifletti:
- X’tammira fir-rispons ta’ dan il-bniedem?

pexels/cottonbro: affirming. |
ii. U s-sid faħħru lil dak l-amministratur ħażin talli ħadem b’rasu. Għax ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom.
Filwaqt li s-Sid jitlob kont mill-amministratur
filwaqt li s-Sid jibqa’ attent, jimpurtah
l-ewwel prijorità tiegħu tas-Sid mhix li l-linji qatt ma jitgħawġu
lanqas li l-ħaddiema jagħmlu d-dover b’mod robotiku, iżda bla ħajja,
ma jixtieqx nies li ma jagħmlu l-ebda żball, imma persuni xħaħ jew għażżiena;
l-ewwel prijorità ta’ Alla hija li n-nies jgħixu
li jkollhom l-entużjażmu, li jieħdu ħsieb ħajjithom u r-relazzjonijiet.
Irrifletti:
- X’inhuma l-prijoritajiet tiegħek bħalissa?

pexels/rbrigant: it’s about your freedom. |
iii. Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.
Is-Sid li ma jsirx qaddej tal-flus
Jiżviluppa l-kapaċità li jara lil hinn mill-ġid li tberbaqlu,
il-kapaċità li japprezza u jinkuraġixxi l-umanità kreattiva tal-amministratur.
Is-Sid li jsir qaddej tal-flus
flus biss jara
u jitlef l-umanità kreattiva tiegħu.
Irrifletti:
- Liema hu l-ġid veru għalik? Hemm xi persuna li tispirak fuq dan?
3. Missierna