
Fiduċja.
Niċċelebraw l-Evanġelju tas-sebgħa u għoxrin Ħadd.

pexels/shvetsa: trust.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Isimgħu leħen il-Mulej, u twebbsux qalbkom.
1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
F’dak iż-żmien, l-appostli qalu lill-Mulej: “Kattar fina l-fidi!”. Weġibhom il-Mulej: “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut: “Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar”, u hi kienet tisma’ minnkom.
Wieħed minnkom ikollu qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta jidħol mill-għalqa x’se jgħidlu: “Ejja, isa, u oqgħod għall-ikel”? jew: “Lestili x’niekol, ilbes il-fardal u newwilli sa ma niekol u nixrob jien, u mbagħad tiekol u tixrob int”? Jaqaw se jroddlu ħajr lill-qaddej talli jkun għamel li ordnalu? Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kulma tkunu ordnati, għidu: “Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu”. Lq 17:5-10

pexels/gunawardhan: brute power.
i. F’dak iż-żmien, l-appostli qalu lill-Mulej: “Kattar fina l-fidi!”.
Quddiem il-biżgħat
quddiem id-diżappunti tal-ħajja
quddiem in-nuqqas ta’ kuraġġ
nindunaw kemm hi fraġli l-fidi tagħna.
U nibdew naħsbu li biex naslu
hemm bżonn in-numri kbar, is-saħħa –
“kattar fina” –
għax hekk donnu jirnexxu l-kbarat:
bil-qawwa tal-gaffa jneħħu s-siġar
bil-qawwa tal-armi jirbħu l-art.
Irrifletti:
- Fejn tesperjenza d-dgħufija tal-fidi tiegħek?

pexels/karolina grabowska: dynamic power.
ii. Weġibhom il-Mulej: “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, kontu tgħidu lil din is-siġra tat-tut: “Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar”, u hi kienet tisma’ minnkom.
Il-qawwa taż-żerriegħa
mhux fil-kobor tagħha
iżda fid-dinamiżmu tagħha.
Hekk id-don tal-fidi:
mhux il-limiti tagħna quddiem l-isfidi
iżda il-fiduċja fir-relazzjoni m’Alla,
id-dinamiżmu li jiġġenera fina
meta nadottaw l-istil tiegħu,
meta nindirizzawa l-għeruq tal-problemi
bil-qawwa tiegħU.
Irrifletti:
- Liema sfidi qed tiffaċċja? X’dawl tagħtik il-fidi?

pexels/pixabay: the power of gratuitous love.
iii. Wieħed minnkom ikollu qaddej qiegħed jaħrat jew jirgħa; meta jidħol mill-għalqa x’se jgħidlu: “Ejja, isa, u oqgħod għall-ikel”? jew: “Lestili x’niekol, ilbes il-fardal u newwilli sa ma niekol u nixrob jien, u mbagħad tiekol u tixrob int”? Jaqaw se jroddlu ħajr lill-qaddej talli jkun għamel li ordnalu? Hekk ukoll intom, meta tagħmlu kulma tkunu ordnati, għidu: “Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu”.
L-imgħallem li ġie fostna bħala qaddej
li jilbes il-fardal fil-lejl li pattewlu l-ġid bid-deni
jagħtina s-sigriet tal-qawwa tiegħu:
Meta l-ġid tagħmlu mhux għal xi tip ħlas, imma biex tagħmel il-ġid,
tkun ħieles;
Meta t-tajjeb tagħmlu għax tajjeb,
tkun hieni.
Dak it-tip ta’ servizz, ta’ għotja gratuita, ta’ mħabba
jibdel id-dinja minn ġewwa.
Irrifletti:
- Fejn doqt il-ferħ inti u tagħmel it-tajjeb?
3. Missierna