Mistoqsija

Mistoqsija

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-18-il Ħadd – B.

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Il-Mulej tahom il-qamħ mis-sema.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, in-nies meta ntebħu li fuq id-dgħajsa la kien hemm Ġesù u lanqas id-dixxipli tiegħu, telgħu fuq id-dgħajjes u marru lejn Kafarnahum ifittxu lil Ġesù. U meta sabuh in-naħa l-oħra tal-baħar staqsewh: “Rabbi, meta ġejt hawn?”.

Ġesù weġibhom: “Tassew tassew ngħidilkom, intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu. Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier immarka bis-siġill tiegħu”.

Imbagħad staqsewh: “X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta’ Alla?”. Weġibhom Ġesù: “L-opra ta’ Alla hija din: li intom temmnu f’dak li huwa bagħat”.

Qalulu: “X’sinjal se tagħmel biex aħna narawh u nemmnuk? X’sejjer tagħmel? Missirijietna kielu l-manna fid-deżert, bħalma hemm miktub: ‘Tahom jieklu ħobż mis-sema’”. Weġibhom Ġesù: “Tassew tassew ngħidilkom, mhux Mosè takom il-ħobż mis-sema, iżda Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema; għaliex il-ħobż ta’ Alla huwa dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja”. Qalulu huma: “Sinjur, agħtina dejjem minn dan il-ħobż”. Weġibhom Ġesù: “Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx!”.

(Ġw 6:24-35)

pexels/jon li: time to deepen our roots

Riflessjoni u talba:

i.  “Rabbi, meta ġejt hawn?”

Jagħti l-ħin biex jisma’ l-mistoqsijiet.
Jista’ jagħti risposta sempliċi, ta’ malajr:
il-ġurnata, il-ħin … u barra bid-daqq.

Imma jagħtil-ħin anke għar-risposta
għax jisma’ l-ġuħ aktar profond li forsi nsew:
il-ġuħ għall-ħajja, ħajja profonda, ħajja ta’ dejjem.

Irrifletti

  • X’tip ta’ ġuħ hemm moħbi taħt it-tfittxijiet normali?
pexels/yuri kim: beyond effort


ii. 
“X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta’ Alla?”

Ħafna drabi din il-mistoqsija prinċipali li ngħix biha:
x’irrid nagħmel?
 
Ġesù seta’ offra lista ta’ soluzzjonijiet, azzjonijiet li rridu nagħmlu.
Risposta li tissodisfa, tagħti sigurtà:
agħmel hekk u tkun safe.
 
Minflok jagħżel li jibdel il-verb
bidla li timplika stil ta’ ħajja:
li temmen f’Ġesù hija l-opra ta’ Alla fik.
 
Mhux x’ser nagħmel biex nassigura l-approvazzjoni t’Alla,
biex nixtri l-imħabba,
iżda li nilqa’ lilu – l-imħabba t’Alla li sar bniedem –
li npoġġi s-sigurtà fiH
li ngħix miegħu, li nħallih jgħix fija,
li nħallih jagħti forma lill-ideat, emozzjonijiet, azzjonijiet tiegħi.

Irrifletti

  • Xi tfisser għalik li tara s-sinjali ta’ mħabbtu?

pexels/ftlucasalves: receiving light from above


iii. “X’sinjal se tagħmel biex aħna narawh u nemmnuk?”

Il-mistoqsija tagħna: nibqgħu nitħabtu fuq provi:
x’ser nagħmel jien
x’ser tagħmel int … biex tagħti prova tiegħek innifsek
 
Ir-risposta ta’ Ġesù titfagħna fuq linja differenti:
li tirrikonoxxi dak li ġej minn Alla u tħallih itik il-ħajja
… il-ġid li għamel Mosè (u tant persuni oħra) – inizjattiva t’Alla li jħares ħajti
il-preżenza ta’ Ġesù, Alla li sar bniedem, ikel li jagħti l-ħajja
il-preżenza tiegħek, f’idejn Alla, ssir ikel għal ħaddieħor.

Irrifletti

  • Fejn għaraft lil Alla jmantni lil ħajtek?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.