Morru, mela …

Morru, mela …

Mument ta’ talb għat-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej.

Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, salib, simbolu ta’ ħajtek sa issa: ġrajjiet personali jew bħala familja, il-ħidma … album tar-ritratti, ċertifikat, oġġett.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Ninsabu fil-preżenza t’Alla li jagħti ħajja ġdida.

“Il-Mulej Alla sawwar il-bniedem mit-trab tal-art u nefaħlu fi mnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sar ħlejqa ħajja. U l-Mulej Alla ħawwel ġnien fl-Għeden, in-naħa tal-Lvant, u qiegħed hemm il-bniedem li kien sawwar. (…) U l-Mulej Alla ħa lill-bniedem u qiegħdu fil-ġnien tal-Għeden biex jaħdmu u jħarsu. (Ġenesi 2, 7-8.15)


Salm 46 (47)

Isma’ dan is-Salm kantat billi tagħfas play.

Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Popli kollha, ċapċpu idejkom,
għajtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla!
Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża’,
sultan kbir fuq l-art kollha.

Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ,
il-Mulej bid-daqq tat-trombi.
Għannu lil Alla, għannu,
għannu lis-sultan tagħna, għannu.

Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Għax Alla s-sultan tal-art kollha:
għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.
Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,
joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu.

Hallelujah, hallelujah, hallelujah


L-Evanġelju

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew (Mt 28, 16-20)

F’dak iż-żmien, il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien”.


Riflessjoni u talba:

Nimxu lura ma’ ħdax-il persuna … m’humiex aktar tnax!

Hemm xi ħadd nieqes. Nuqqas li jfakkarhom fi trawma kbira. Tlett snin investiment qishom spiċċaw fix-xejn: tradiment li wassal għal qtil kiefer ta’ dak li kienu jaraw futur fih.

Nimxu mal-ħdax lura.

L-istejjer li għaddejna minnhom jinkludu stejjer sbieħ imma wkoll trawmi, tradimenti, bibien magħluqa.

Għall-ħdax kienet mixja li normalment tieħu tliet ijiem jew erbgħa (minn Ġerusalemm għall-Galilija) … Mixja b’ħafna memorji tas-snin ta’ qabel.

X’kienet? Mixja lejn il-passat? Nostalġija? Diżappunt?

F’liema rakkont tidħol ħajti?

Mibegħda u diżappunt għal ħajti/familti/xogħoli, għall-iżbalji tiegħi/ta’ ħaddieħor, il-virus qerriedi, …? Jew hemm rakkont ieħor?

Il-ħdax jaslu fuq il-muntanja fil-Galilija …

Ġesù jiltaqa’ magħhom … mhux bi kliem ta’ akkuża jew diżappunt,

iżda bi kliem ta’ fiduċja li ċċaqlaq il-muntanji:

“Morru fid-dinja kollha …”

U hekk ġara fil-fatt!!!

Ħafna qed isaqsu “meta ser immorru lura fil-knejjes?”

Il-Vanġelu ta’ llum jibdel il-mistoqsija: xi jfisser “Morru fid-dinja kollha”?

Ħajjitna f’liema storja tidħol? Storja ta’ ħtija u diżappunt?

Jew l-istorja tal-fiduċja li l-Irxoxt għandu fina u fil-futur tagħna: “Morru fid-dinja kollha”?

i. Morru, mela, u agħmlu dixxipli …

Dixxipli ta’ min? Jista’ jkun li Ġesù ħadhom fuq il-muntanja fejn ittentah ix-xitan meta qallu li jagħtih is-setgħa fuq is-saltniet kollha tad-dinja jekk jinżel jadurah (Mt 4).

Ġesù jagħżel mod ieħor: “Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi.”

Nista’ nagħżel li ninġarr mill-vuċi tax-xitan … infittex suċċess personali u nikkontrolla n-nies.

Jew dixxiplu ta’ Kristu li għandu s-setgħa għax jagħti ħajja u fiduċja.

We are called not to be successful but faithful.” (Madre Teresa)

ii. Morru … għammduhom fl-Isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu.

F’dik il-mixja lura, il-ħdax bdew jifhmu aħjar x’kien qed jiġri fit-tliet snin ta’ qabel.

Ġesù ma ġiex biex iwaqqaf club – “kemm aħna kbar u aħjar!”, “ħadd ma jista’għalina”! – imma biex nidħlu fir-relazzjonijiet tal-Missier, l-Iben, u l-Ispirtu s-Santu.

Ftakru fid-“diskors tal-muntanja” (Mt 5-7) … Ħenjin il-foqra fl-ispirtu, ħenjin dawk bil-ġuħ għall-ġustizzja, ħennu bħalma ħanin missierkom …);

Ftakru fl-għemil ta’ Ġesù fuq il-muntanja fejn in-nies raw lil Alla jaħdem: “n-nies kollha baqgħu mistagħġba meta raw l-imbikkmin jitkellmu, … u l-għomja jaraw; u bdew jagħtu glorja lil Alla ta’ Iżrael; Mt 15, 29-31).

Morru u għammdu … għinu lin-nies jeħilsu mill-individwaliżmu u jidħlu f’relazzjonijiet li jagħtu ħajja.

Ezio Bosso, pjanist Taljan, qal hekk: “La musica come la vita si può fare soltanto insieme”. Il-mużika bħall-ħajja: isseħħ biss flimkien. Il-ħajja u l-mużika rifless ta’ Alla Missier, Iben, Spirtu s-Santu.

iii. Morru … għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien

Fi żmienna din iddoqq stramba: “Morru … għallmuhom”.

Hawn min jaħseb li din tfisser “timponi” l-ideat tiegħek fuq ħaddieħor. Oħrajn jirtiraw: “Ħalli lil kulħadd jemmen u jagħmel li jrid”.

Imma l-ħdax ftakru kif fuq għoljiet u muntani differenti, Ġesù għallimhom l-istil t’Alla:

  • Fuq l-għolja tat-Trasfigurazzjoni semgħu il-kliem “Dan hu Ibni l-għażiż … Isimgħu lilu” (Mt 17,5). U x’jisimgħuh jgħid? Li kellu jbati! Ġesù tafdah bħala għalliem għax ġenwin.
  • Imbagħad fuq l-Għolja taż-Żebbuġ semgħuh jgħidilhom iġibulu l-ħmar (Mt 21): Ġesù jgħallem b’mod umli mhux bħal xi ħadd li jaħkem.
  • Fuq l-istess għolja jgħidilhom biex jipperseveraw fl-imħabba u fit-tama: “Joktor il-ħażen, u għalhekk l-imħabba tibred f’ħafna. Imma min jibqa’ jżomm sħiħ sal-aħħar, dan isalva.” (Mt 24,12-13).

Uħud qed isaqsu “Meta nistgħu nitqarbnu?” Sa kemm jasal dak iż-żmien, ejjew inkabbru fina x-xewqa li “noqorbu” għall-istil ta’ Alla: ġenwinità, stil umli, perseveranza fit-tajjeb, fl-imħabba, fit-tama. Dan trid tgħallem.

Jew fi kliem Ezio Bosso: “Un grande musicista non è che chi suona più forte ma chi ascolta e da lì i problemi diventano opportunità”.

“Mużiċist kbir mhuwiex dak li jagħmel l-aktar storbju iżda dak li jisma’ u minn hemm il-problemi jinbidlu f’opportunità”.


Nitolbu l-Missierna flimkien

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ħajr:

Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.
Chris Bugeja, għall-kant tas-salm.

Comments are closed.