M’għandux kwiet?
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-ħames Ħadd tas-sena
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Nidħol fil-presenza ta’ Alla b’sens ta’ tifħir:
Faħħru l-Mulej, għax tajjeb li tgħanni lil Alla tagħna;
għax ħelu u xieraq it-tifħir tiegħu.
Jibni ’l Ġerusalemm il-Mulej,
jiġma’ l-imxerrdin ta’ Iżrael.
Hu jfejjaq il-qlub maqsuma,
hu jorbot il-ġrieħi tagħhom.
Hu jgħodd in-numru tal-kwiekeb;
kollha jsejħilhom b’isimhom. (Salm 146)
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skond San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli ħarġu mis-sinagoga u baqgħu sejrin ma’ Ġakbu u Ġwanni għand Xmun u Indrì. Issa omm il-mara ta’ Xmun kienet fis-sodda bid-deni, u malajr qalulu biha. Resaq lejha, qabadha minn idha u qajjimha. U d-deni ħallieha, u bdiet isservihom.
Filgħaxija, imbagħad, fi nżul ix-xemx, ħadulu quddiemu lil dawk kollha li kienu morda jew li kienu maħkuma mix-xitan. U quddiem il-bieb inġabret il-belt bi ħġarha. U fejjaq ħafna morda minn kull xorta ta’ mard, u ħareġ għadd kbir ta’ xjaten li hu ma kienx iħallihom jitkellmu, għax huma kienu jafu min kien.
L-għada filgħodu kmieni, qabel ma żernaq, qam, ħareġ u mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob. Xmun u sħabu l-oħrajn marru jfittxuh. Kif sabuh, qalulu: “Kulħadd jistaqsi għalik”. U qalilhom: “Ejjew immorru band’oħra, fl-irħula tal-qrib, ħalli nippriedka hemmhekk ukoll, għax għalhekk ħriġt”.
U dar il-Galilija kollha, jippriedka fis-sinagogi tagħhom u joħroġ ix-xjaten. (Mark 1, 29-39)
Riflessjoni u talba:
Jekk hemm kelma li tirrepeti ruħha f’dan l-Evanġelju hija l-kelma “ħareġ”. Issa jekk l-għażliet ta’ Ġesù juru l-istil tiegħu biex jibni s-Saltna t’Alla, tajjeb insaqsu: “x’qed jurina permezz tal-għażla kontinwa tiegħu li joħroġ?”
i. Ġesù u d-dixxipli ħarġu mis-sinagoga
Ġesù u d-dixxipli ħarġu (exelthontes) mis-sinagoga, mill-post pubbliku u sagru biex marru fid-dar, f’post privat. Hemm ukoll hemm il-marka tal-mard,
- ta’ dak li jiskuraġġina
- dak li jagħlaqna fina nfusna,
- meta l-biża’ li niżbaljaw jitfi kull inizjattiva u ħeġġa.
Ġesù joħroġ biex jersaq qrib u jqajjem … jagħti l-ewwel ħjiel tal-qawmien. U l-mara li rċeviet is-servizz ta’ Ġesù sabet il-ferħ li sservi.
Irriflettejt fuq dan l-Evanġelju waqt li kont qed nosserva diversi ommijiet, xi missirijiet u bosta nanniet jagħtu spazju għat-tfal tagħhom biex jilagħbu, jiġru, jaqgħu. It-tfal jafu li jistgħu jissugraw għax taħthom hemm art ta’ mħabba li lesta li tilqagħhom, idejn lesti li jerfgħuhom, fiduċja li tinkuraġġihom jerġgħu jibdew.
U quddiem dak il-bieb li nfetaħ tinġabar “il-belt bi ħġarha”. Il-belt vera tinbena fejn jinħoloq dan l-ispazju:
- fejn Ġesù joħroġ u n-nies isibu l-kuraġġ tal-onesta u ma jibżgħux jesprimu d-dgħufija;
- fejn kulħadd jibda jagħraf li ħadd mhu aħjar minn ħadd;
- fejn kull min hu dgħajjef iħossu milqugħ u min qam fuq saqajh joħroġ biex jerfa’;
- fejn min hu b’saħħtu ma jieħux vantaġġ mid-dgħajjef u d-dgħajjef ma jispiċċax dipendenti.
Irrifletti:
- Fejn ħriġt barra minn triqtek biex tieħu interess f’xi ħadd? Xi skoprejt?
ii. L-għada filgħodu kmieni, qabel ma żernaq, qam, ħareġ u mar …
Ġesù jibda l-jum billi joħroġ (exēlthen – apēlthen) biex jitlob.
Dak li jidher m’għandux kwiet ħareġ għall-kwiet?
Ġesù joħroġ mhux għax skomdu, jew biex jaħrab ir-realtà.
Jekk xejn jaħrab il-fama u t-tifħir superfiċjali.
Ġesù joħroġ għax immexxi mhux minn bżonn imma minn imħabba eterna.
Il-ġid minnu nnifsu dejjem għandu t-tendenza li jixtered. (Bonum est diffusivum sui).
Min iduq it-tajjeb, is-sabiħ, dak li hu veru ifittex kull mezz biex iwasslu lil kulħadd u l-aktar lil min hu fil-bżonn. (“Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju” 1Kor 9.16). Ġesù joħroġ biex jitlob … biex jgħix fl-imħabba tal-Missier. Minn hemm isib il-ferħ, il-kuraġġ, il-kriterju biex ikompli joħroġ.
Irrifletti
- Issib il-kuraġġ biex toħroġ tiltaqa’ ma’ Alla fit-talb?
- Fejn tara stedina biex tħalli t-tjubija, s-sabiħ, il-verità ta’ Alla joħorġuk minn kumdità falza?
iii. “Ejjew immorru band’oħra (…) għax għalhekk ħriġt”
Ġesù ma joħroġx bl-addoċċ. Jaf x’qed jagħmel: “għalhekk ħriġt” exēlthon.
Huwa l-bniedem ħieles. Jaf x’hemm fil-qalb ta’ Alla. Jaf il-ġid li jrid iwettaq. Jaf jinduna b’min irid iqarraq bih. Attent. Jaf jistenna imma perseveranti. Ħieles kemm mill-fama u t-tifħir kif ukoll mir-reżistenza u l-kritika inġusta. Immexxi minn ferħ interjuri mhux mill-ewforija li tinħela bħan-nar tal-art. Jaf ma jinqabadx minn min irid jikkapparrah u juża lil Alla biex isawwat bniedem ieħor. “Il-ferħ tal-Vanġelu hu għall-poplu kollu, ma jista’ jħalli ’l ħadd barra.” (Evangelii Gaudium, 23) U Ġesu jkompli joħroġ … ‘l barra mit-tribù sabiex jgħinna nagħarfu li lkoll aħwa.
Ikkontempla:
- Hemm xi persuna li tagħtik ħjiel ta’ din il-libertà interjuri li kellu Ġesù?
- Ieqaf ftit quddiem Ġesù u itlob li jaqsam miegħek is-sens ta’ determinazzjoni tiegħu.
Papa Franġisku, Evangelii Gaudium, 46.
Il-Knisja li “toħroġ” hi Knisja bil-bibien tagħha miftuħa. Toħroġ għal għand l-oħrajn biex tilħaq il-periferiji umani ma jfissirx tiġri lejn id-dinja bla ebda direzzjoni jew sens ta’ xejn. Spiss ikun aħjar jekk timxi iktar bil-mod, twarrab l-ansjetà, biex tista’ tħares f’għajnejn il-bniedem u tisimgħu, jew tħalli warajha dak li jidher urġenti biex tista’ ssieħeb lil min baqa’ fil-ġenb tat-triq. Spiss hi bħal missier l-iben il-ħali, li jżomm il-bibien tiegħu miftuħa biex meta jiġi lura, ikun jista’ jidħol bla xkiel ta’ xejn.
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.