Browsed by
Author: Marsaskala Parish

Stedina

Stedina

F’dak iż-żmien, lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu Ġesù raġa’ qabad ikellimhom bil-parabboli u qalilhom: “Is-saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa għat-tieġ ta’ ibnu. U bagħat għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk ma ridux jiġu.
U reġa’ bagħat qaddejja oħra, u qalilhom: “Għidu lill-mistednin: Ara, il-mejda tiegħi lesta; il-barrin u l-għoġiela msemmna diġa’ maqtula u kollox lest; ejjew għall-festa”. Iżda dawk ma tawx kas; min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu, u l-bqija qabdu lill-qaddejja tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom. Is-sultan inkorla ħafna, u bagħat is-suldati tiegħu, qered lil dawk il-qattiela, u ħarqilhom il-belt tagħhom.
Imbagħad qal lill-qaddejja tiegħu: “Il-festa mħejjija, imma lil dawk ma kienx ta’ min jistedinhom għaliha. Mela morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa lil kull min issibu”. Dawk il-qaddejja ħarġu fit-triqat u ġabru lil kull min sabu, ħżiena u tajba, u s-sala mtliet bin-nies għall-mejda. Mela jidħol is-sultan ħalli jara min kien hemm fuq il-mejda, u hemmhekk lemaħ wieħed li ma kienx liebes għall-festa tat-tieġ; u qallu: “Ħabib, dan kif dħalt hawn m’intix liebes għall-festa?”. Dak tbikkem. Imbagħad is-sultan qal lil dawk li kienu qegħdin iservu: “Orbtulu riġlejh u idejh u waddbuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien!”. Għax ħafna huma l-imsejħin, imma ftit il-magħżulin!”. (Mt 22, 1-14)

Mhux sew!

Mhux sew!

F’dak iż-żmien Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu: “Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm wieħed, sid ta’ għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra.
Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand dawk il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu. Iżda l-bdiewa qabdu lill-qaddejja, u lil wieħed sawtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh. Reġa’ bagħtilhom qaddejja oħra, aktar minn qabel, u għamlulhom l-istess.
Fl-aħħar bagħtilhom lil ibnu. “Minn ibni jistħu”, qal. Iżda kif raw lil ibnu l-bdiewa bdew jgħidu bejniethom: “Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu niħduh aħna”. Qabduh, xeħtuh ’il barra mill-għalqa u qatluh. Issa sid l-għalqa x’jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa meta jiġi?”. Qalulu: “Jeqridhom bla ħniena, ta’ ħżiena li huma, u l-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra li jroddulu l-frott fi żmienu”.
Qalilhom Ġesù: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li:
‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka;
bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna’?
Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna ta’ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha”. (Mt 21, 33-43)

Hemm bżonn bidla.

Hemm bżonn bidla.

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu: “Intom x’jidhrilkom? Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Resaq fuq il-kbir u qallu: “Ibni, illum mur aħdem l-għalqa tad-dwieli”.

U dak qallu: “Ma rridx”. Iżda mbagħad biddel il-fehma u mar. Resaq fuq l-ieħor u qallu l-istess. “Arani sejjer, sidi,” qallu dan, u ma mar xejn. Min minnhom it-tnejn għamel kif ried il-missier?”. “L-ewwel wieħed”, weġbuh. U qalilhom Ġesù: “Tassew, ngħidilkom, li l-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin qabilkom fis-Saltna ta’ Alla. Għax Ġwanni ġie għandkom miexi fit-triq tal-ġustizzja, u intom ma emmintuhx iżda l-pubblikani u n-nisa tat-triq emmnuh; u għalkemm intom rajtu dan kollu, bqajtu sal-aħħar ma biddiltux il-fehma tagħkom, u ma emmintuhx”. (Mt 21, 28-32)