Browsed by
Author: Marsaskala Parish

Ftuħ!

Ftuħ!

F’dak iż-żmien Ġesù mar lejn pajjiżu u d-dixxipli tiegħu marru miegħu. Meta wasal is-Sibt, daħal jgħallem fis-sinagoga, u l-ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu u jgħidu: “Mnejn kisbu dan kollu? U x’inhu dan l-għerf li ngħatalu biex saħansitra qegħdin isiru dawn l-għeġubijiet kbar b’idejh? Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet mhumiex hawn magħna?”. U huma skandalizzaw ruħhom minħabba fih.

Qalilhom Ġesù: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru stess”. U hemmhekk ma sata’ jagħmel ebda miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom; u baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom. U mar idur l-irħula ta’ dawk l-inħawi jgħallem. (Mk 6, 1-6)

Qiegħed ngħidlek, Qum!

Qiegħed ngħidlek, Qum!

F’dak iż-żmien, wara li Ġesù raġa’ qasam bid-dgħajsa għax-xatt l-ieħor, waqt li kien ħdejn il-baħar inġabret madwaru kotra kbira ta’ nies. U ġie wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, jismu Ġajru. Dan, malli rah, inxteħet f’riġlejh, u talbu ħafna u qallu: “Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix”. U Ġesù telaq miegħu, b’kotra kbira miexja warajh, kulħadd iross fuqu.
U waslu xi wħud mid-dar tal-kap tas-sinagoga u lil dan qalulu: “Bintek mietet; għalfejn tħabbtu iżjed l-Imgħallem?”. Iżda Ġesù sama’ x’kienu qegħdin jgħidu, u qal lill-kap tas-sinagoga: “Tibżax, biss inti emmen”. U ma ħalla lil ħadd imur miegħu ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni, ħu Ġakbu.
Waslu d-dar tal-kap tas-sinagoga, u ra storbju sħiħ u nies jibku u jixhru. Daħal, u qalilhom: “Dan l-istorbju kollu u dan il-biki għalfejn? It-tfajla mhijiex mejta, imma rieqda”. U qabdu jiddieħku bih. Imma hu keċċiehom ilkoll ’il barra, ħa miegħu lil missier it-tfajla u lil ommha u lil dawk li kienu miegħu u daħal fejn kienet it-tfajla. Qabdilha idha, u qalilha: “Talitha, qum!” – jiġifieri: “Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!”. Minnufih it-tfajla qamet u qabdet timxi; għax kellha tnax-il sena. U baqgħu miblugħin bil-għaġeb. U hu wissiehom bis-sħiħ biex dan ma jkun jaf bih ħadd, u qalilhom jagħtuha tiekol. (Mk 5:21-24,35b-43)

Mela ma għandkomx fidi?

Mela ma għandkomx fidi?

Darba, filgħaxija, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ejjew naqsmu għax-xatt l-ieħor”. Ħallew in-nies, u ħaduh magħhom kif kien fid-dgħajsa; u marru miegħu dgħajjes oħra.

U qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet timtela bl-ilma. Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda. Qajmuh u qalulu: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?”.

Imbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar: “Iskot! Biżżejjed!”. U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira. U qalilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”.

U qabadhom biża’ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?” (Mk 4, 35-41)