News & Events

Il-laqgħat tal-Mulej.

Il-laqgħat tal-Mulej.

Meta għalqilhom iż-żmien għat-tisfija tagħhom, skont il-Liġi ta’ Mosè, ħadu lil Ġesù f’Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, bħalma hu miktub fil-Liġi tal-Mulej, ‘Kull tifel li jitwieled l-ewwel wieħed, ikun ikkonsagrat lill-Mulej,’ u biex joffru b’sagrifiċċju ‘par gamiem jew żewġ bċieċen,’ kif jingħad fil-Liġi tal-Mulej.

Kien hemm f’Ġerusalemm raġel jismu Xmun. Dan kien raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Israel, u l-Ispirtu s-Santu kien fuqu. U kien imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu li ma kienx sa jara l-mewt qabel ma jara lil Kristu l-Mulej. Ġie mela fit-Tempju, imqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri ġiebu t-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa ħadu fuq dirgħajh, bierek ’l Alla u qal: “Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem, skont kelmtek; għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek, li int ħejjejt għall-popli kollha: dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Israel.” Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil Marija, ommu: “Ara, dan sa jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Israel; sa jkun sinjal u jmeruh – u int ukoll, min-naħa tiegħek, sejf jinfidlek ruħek! – ħalli jinkixfu l-ħsibijiet moħbija ta’ ħafna.”

Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’ Aser. Din kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba’ snin miżżewġa, u mbagħad baqgħet armla. Sakemm kellha erbgħa u tmenin sena ma kinitx titwarrab mit- Tempju, lejl u nhar taqdi fis-sawm u t-talb. Dak il-ħin stess waslet, u bdiet tfaħħar ’l Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm. Meta temmew kulma kellhom jagħmlu skont il-Liġi tal-Mulej, reġgħu lura lejn il-Galilija, fil-belt tagħhom Nazaret. U t-tifel baqa’ jikber u jitqawwa u jimtela bl-għerf. U l-grazzja t’Alla kienet fuqu. (Lq 2, 22-40)

Il-Kelma li ddawwal.

Il-Kelma li ddawwal.

Bosta kienu dawk li ħadu f’idejhom ix-xogħol li jiġbru bl-ordni f’rakkont wieħed il-ġrajja li seħħew fostna, kif għaddewhom lilna dawk li sa mill-bidu rawhom b’għajnejhom stess u saru ministri tal-Kelma. Hekk ukoll jien, għażiż Teofilu, wara li bir-reqqa kollha qgħadt infittex it-tagħrif dwar kulma ġara sa mill-bidu nett, deherli li għandi niktiblek kollox ħaġa b’ħaġa, biex tagħraf sewwa l-verità sħiħa dwar kulma tgħallimt.

Jum wieħed, Ġesù, bil-qawwa tal-Ispirtu, reġa’ mar il-Galilija; u l-fama tiegħu xterdet ma’ dawk l-inħawi kollha, għax hu kien jgħallem fis-sinagogi tagħhom fost it-tifħir ta’ kulħadd. U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Iżaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:

“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,
għax hu kkonsagrani.
Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,
inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,
irrodd il-ħelsien lill-maħqurin
u nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej”.

Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”. (Lq 1:1-4; 4:14-21)

Inbid ġdid.

Inbid ġdid.

F’dak iż-żmien, sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu.

Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid”. U Ġesù qalilha: “X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”. Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”.

Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, imqiegħda hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull waħda minnhom tasa’ xi mitt jew mija u għoxrin litru. Ġesù qal lill-qaddejja: “Imlew il-ġarar bl-ilma”. U dawk imlewhom sax-xifer. Imbagħad qalilhom: “Issa ħudu minnu u newluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda”. U huma marru jagħtuhulu. Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus u qallu: “Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa”.

Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih. (Ġw 2, 1-11)