Browsed by
Category: Family Liturgy

Wiċċ jiddi

Wiċċ jiddi

Sitt ijiem wara, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u ’l Ġakbu u ’l ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija.” Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu.” Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux.” Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu. Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet.” (Mt 17, 1-9)

Għaqal

Għaqal

F’dak iż-żmien Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa.
Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha.
Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil xibka mitfugħa l-baħar li fiha jinġabar minn kollox. Meta timtela jtellgħuha x-xatt, u joqogħdu bilqiegħda, jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin. Hekk jiġri fi tmiem id-dinja: l-anġli joħorġu jifirdu l-ħżiena mill-ġusti, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.
Kollu fhimtuh dan?” “Iva”, qalulu. U hu qalilhom: “Għalhekk kull kittieb li jkun sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet jixbah lil wieħed sid li, mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim”.. (Mt 13, 24-30)

Fiduċja

Fiduċja

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies din il-parabbola: “Is-saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana. Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu: “Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?”.
Iżda hu qalilhom: “Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi”. “Tridx immorru niġbruha?”, qalulu l-qaddejja. “Le, qalilhom, għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi””. (Mt 13, 24-30)