Browsed by
Category: Family Liturgy

Ġwejjed?

Ġwejjed?

Xħin waslu qrib Ġerusalemm u ġew quddiem Betfaġe lejn l-Għolja taż-Żebbuġ, Ġesù bagħat żewġ dixxipli u qalilhom: “Aslu sar-raħal biswitkom; u minnufih issibu ħmara marbuta u felu ħdejha; ħolluhom u ġibuhomli. Jekk xi ħadd jgħidilkom xi ħaġa, weġbuh: ‘Il-Mulej jeħtieġhom, u malajr jerġa’ jibgħathom lura’”.
Dan ġara biex iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal: “Għidu lil bint Sijon: ‘Ara, is-Sultan tiegħek ġej għandek, ġwejjed, riekeb fuq ħmara u fuq felu, ferħ ta’ bhima tat-tagħbija’”.
Id-dixxipli marru u għamlu kif ordnalhom Ġesù; ġiebu l-ħmara u l-felu, qiegħdu fuqhom l-imnatar tagħhom, u hu qagħad fuqhom.
Għadd kbir ta’ nies firxu l-imnatar tagħhom fit-triq, waqt li oħrajn qatgħu xi friegħi mis-siġar u ferrxuhom mat-triq. Il-folol li kienu miexja quddiem u dawk li kienu miexja wara bdew jgħajtu u jgħidu: “Hosanna lil Bin David! Imbierek min ġej f’isem il-Mulej! Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet!”.
Meta mbagħad daħal Ġerusalemm, il-belt kollha tqanqlet u n-nies bdew jgħidu: “Dan min hu?”. U l-folol weġbuhom: “Dan hu l-profeta Ġesù minn Nazaret tal-Galilija”. (Mt 21:1-11)

Ħabibek … Ħuk … Missier

Ħabibek … Ħuk … Missier

F’dak iż-żmien, 1kien hemm wieħed marid, Lażżru minn Betanja, ir-raħal ta’ Marija u oħtha Marta. Marija kienet dik li dilket il-Mulej b’żejt ifuħ u xxuttatlu riġlejh b’xuxitha; u Lażżru, il-marid, kien ħuha. Iż-żewġ nisa bagħtu jgħidu lil Ġesù: “Mulej, ara, ħabibek marid”. Meta sama’ l-aħbar Ġesù qal: “Din m’hijiex marda tal-mewt, iżda hi għall-glorja ta’ Alla, biex biha tingħata glorja lill-Iben ta’ Alla”.

Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lażżru. Meta sama’ li dan marad, baqa’ jumejn oħra fejn kien, u mbagħad qal lid-dixxipli: “Ejjew nerġgħu mmorru l-Lhudija”. Qalulu d-dixxipli: “Rabbi, il-Lhud għadhom kemm kienu qegħdin ifittxu li jħaġġruk, u int rieġa’ sejjer hemm?”. Weġibhom Ġesù: “Mhux tnax-il siegħa fiha l-ġurnata? Sakemm wieħed jimxi binhar, ma jitfixkilx, għax ikun qiegħed jara d-dawl ta’ din id-dinja. Imma jekk jimxi bil-lejl, jitfixkel, għax ma jkollux dawl”. Qalilhom hekk u mbagħad issokta jgħidilhom: “Ħabibna Lażżru rieqed, iżda ħa mmur u nqajmu”.

Qalulu d-dixxipli: “Mulej, jekk inhu rieqed, jiġifieri se jfiq”. Iżda Ġesù kien tkellem mill-mewt tiegħu, u huma ħaduha li kien qalilhom fuq l-irqad ta’ meta wieħed ikun bin-ngħas. Imbagħad qalilhom ċar u tond: “Lażżru miet. U jiena nifraħ minħabba fikom li ma kontx hemm, ħalli temmnu. Iżda ejjew immorru sa ħdejh”. Tumas, imlaqqam it-Tewmi, qal lil sħabu d-dixxipli: “Immorru aħna wkoll ħa mmutu miegħu”.

Meta wasal, Ġesù sab li Lażżru kien ġa ilu erbat ijiem fil-qabar. Betanja kienet qrib Ġerusalemm, xi ħmistax-il stadju ’l hemm minnha. Ħafna Lhud kienu ġew għand Marta u Marija biex ifarrġuhom minħabba ħuhom. Kif, mela, semgħet li kien ġej Ġesù, Marta ħarġet tilqgħu, iżda Marija baqgħet id-dar. Marta qalet lil Ġesù: “Mulej, kieku kont hawn, ħija ma kienx imut. Imma wkoll issa, jiena naf li kull ma int titlob lil Alla, Alla jagħtihulek”. Ġesù qalilha: “Ħuk jerġa’ jqum!”. Qaltlu Marta: “Jiena naf li jerġa’ jqum, fil-qawmien mill-imwiet fl-aħħar jum”. Qalilha Ġesù: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?”. Weġbitu: “Iva, Mulej, jiena nemmen li inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla, dak li ġie fid-dinja”.

Kif qalet dan, marret issejjaħ lil oħtha Marija u minn taħt l-ilsien qaltilha: “L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek”. Dik, malli semgħetha, qamet minnufih u marret ħdejh. Ġesù kien għadu ma daħalx fir-raħal, imma baqa’ fejn kienet ġiet tiltaqa’ miegħu Marta. Il-Lhud li kienu d-dar ma’ Marija biex ifarrġuha, kif rawha tqum malajr u toħroġ, marru warajha, għax stħajluha sejra lejn il-qabar biex toqgħod tibki hemm.

Meta Marija waslet fejn kien Ġesù u ratu nxteħtet f’riġlejh, tgħidlu: “Mulej, kieku kont hawn ħija ma kienx imut”. Ġesù, kif ra lilha tibki u l-Lhud, li ġew magħha, jibku wkoll, ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna. “Fejn qegħedtuh?”, staqsiehom. Huma weġbuh: “Mulej, ejja u ara”. U Ġesù beka. Għalhekk il-Lhud qalu: “Ara kemm kien iħobbu!”. Iżda xi wħud minnhom qalu: “Ma setax dan ilbniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel ukoll li dan ma jmutx?”.

Ġesù ħass ruħu mqanqal għal darb’oħra u resaq lejn il-qabar. Dan kien għar magħluq bi blata fuqu. Ġesù qal: “Neħħu l-blata”. Marta, oħt il-mejjet, qaltlu: “Mulej issa beda jrejjaħ; ġa ilu erbat ijiem mejjet”. Qalilha Ġesù: “Ma għedtlekx li jekk inti temmen, tara l-glorja ta’ Alla?” Imbagħad neħħew il-blata. Ġesù rafa’ għajnejh ’il fuq u qal: “Missier, irroddlok ħajr li smajtni. Kont naf li inti dejjem tismagħni, imma għidt dan minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni”. Kif qal hekk, għajjat b’leħen għoli: “Lażżru, oħroġ!”. U dak li kien mejjet ħareġ, b’idejh u riġlejh infaxxati u b’maktur ma’ wiċċu. Ġesù qalilhom: “Ħollulu l-faxex u ħalluh imur”.

Ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih.

(Ġw 11:10-45)

Tara t-tama moħbija

Tara t-tama moħbija

F’dak iż-żmien, kif kien għaddej, Ġesù lemaħ raġel agħma minn twelidu, u d-dixxipli tiegħu staqsewh: “Rabbi, dan twieled agħma għax dineb hu stess, jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?”. Ġesù wieġeb: “Mhux għax dineb hu jew il-ġenituri tiegħu, imma ġralu hekk biex l-għemil ta’ Alla jidher fih. Sakemm għadu binhar, jeħtiġilna nagħmlu x-xogħol ta’ dak li bagħatni, għax jasal il-lejl meta ħadd ma jkun jista’ jaħdem. Sakemm għadni fid-dinja, jiena hu d-dawl tad-dinja”.
Kif qal dan, beżaq fl-art, għamel minnu qisu tajn, u dilek bih għajnejn ir-raġel agħma u qallu: “Mur inħasel fil-menqgħa ta’ Silwam”. Din tfisser “il-Mibgħut”. Mela dak mar, inħasel u ġie jara. Il-ġirien u dawk li s-soltu kienu jarawh, għax hu kien tallab, qalu: “Dan mhuwiex dak li kien joqgħod bilqiegħda jittallab?”. Xi wħud qalu: “Iva, hu”. Oħrajn qalu: “Le, imma jixbhu”. Iżda hu qalilhom: “Jiena hu”. Qalulu: “Mela kif infetħulek għajnejk?”. Weġibhom: “Wieħed raġel, jgħidulu Ġesù, għamel ftit tajn, dilikli għajnejja bih, u qalli: ‘Mur fis-Silwam u nħasel hemm’. Mort, inħsilt, u ġejt nara”. Qalulu: “Fejn huwa dan ir-raġel?”. Qalilhom: “Ma nafx”.
Lil dan il-bniedem li fl-imgħoddi kien agħma ħaduh għand il-Fariżej. Issa dakinhar li Ġesù għamel it-tajn u fetaħ għajnejn l-agħma nzerta kien is-Sibt. Il-Fariżej ukoll staqsew mill-ġdid
lill-agħma kif sar jara. U hu qalilhom: “Qegħedli ftit tajn fuq għajnejja, mort ninħasel, u issa qiegħed nara”.
Xi wħud mill-Fariżej qalu: “Dan il-bniedem mhuwiex ġej mingħand Alla, għax ma jħarisx is-Sibt”. Iżda oħrajn qalu: “Kif jista’ wieħed midneb jagħmel sinjali bħal dawn?”. U ma qablux bejniethom.
U reġgħu qalu lill-agħma: “Int x’jidhirlek minnu, issa li fetaħlek għajnejk?”. Qalilhom: “Dak profeta”. Il-Lhud ma ridux jemmnu li hu kien agħma u ħa d-dawl qabel ma bagħtu għall-ġenituri ta’ dak li sar jara, u staqsewhom: “Dan, li intom qegħdin tgħidu li twieled agħma, dan binkom? Mela issa kif ġie jara?”. Il-ġenituri tiegħu wieġbu u qalulhom: “Nafu li dan hu t-tifel tagħna u li twieled agħma; imma kif issa ġie jara, dan ma nafuhx, u anqas ma nafu min fetaħlu għajnejh. Staqsu lilu: żmien għandu, ħa jitkellem hu għalih innifsu”. Il-ġenituri tiegħu wieġbu hekk għaliex beżgħu mil-Lhud, għax il-Lhud kienu ġa ftiehmu bejniethom li jekk xi ħadd jistqarr li Ġesù hu l-Messija, isib ruħu barra mis-sinagoga. Kien għalhekk li l-ġenituri wieġbu: “Żmien għandu, staqsu lilu”.
Għal darb’oħra reġgħu bagħtu għal dak li kien agħma u qalulu: “Agħti glorja lil Alla! Aħna nafu li dan il-bniedem huwa midneb”. Dak weġibhom: “Jekk hux midneb ma nafx. Ħaġa waħda naf: li jien kont agħma u issa qiegħed nara”. Qalulu: “Imma hu x’għamillek? Kif fetaħhomlok għajnejk?”. U hu weġibhom: “Ġa għedtilkom u ma smajtux! Xi tridu tisimgħu iżjed? Jaqaw tridu intom ukoll issiru dixxipli tiegħu?”. U qabdu jgħajruh u qalulu: “Dak int dixxiplu tiegħu! Aħna ta’ Mosè dixxipli! Aħna nafu li lil Mosè kellmu Alla, imma dan ma nafux minn fejn hu!”. Weġibhom ir-raġel u qalilhom: “Sewwa! Hawn qiegħed l-għaġeb, li intom ma tafux minn fejn inqala’, u madankollu lili fetaħli għajnejja! Aħna nafu li Alla mhux se jisma’ lill-midinbin; iżda mbagħad jekk wieħed ikun iqim lil Alla u jagħmel ir-rieda tiegħu, lil dan jisimgħu. Qatt fid-dinja ma nstema’ li xi ħadd fetaħ għajnejn wieħed agħma mit-twelid. Li kieku dan ma kienx ġej mingħand Alla, xejn ma kien ikollu ħila jagħmel”. Imbagħad qabżu u qalulu: “Int se tgħallem lilna, int li twelidt dnubiet waħdek!”. U keċċewh ’il barra.
Ġesù sama’ li keċċewh ’il barra; sabu u qallu: “Temmen inti f’Bin il-bniedem?”. Dak wieġeb u qallu: “Min hu, Mulej, biex nemmen fih?”. Qallu Ġesù: “Mhux biss rajtu, imma huwa dak stess li qiegħed ikellmek”. Qallu: “Nemmen, Mulej!”. U nxteħet għarkupptejh quddiemu. Imbagħad Ġesù qal: “Jien ġejt fid-dinja biex nagħmel ħaqq, biex min ma jarax isir jara, u min jara jagħma”. Xi wħud mill-Fariżej li kienu hemm madwaru semgħuh jgħid dan u staqsewh: “Aħna wkoll għomja?”. Weġibhom Ġesù: “Li kieku kontu għomja, ma kontux tkunu ħatja ta’ dnub. Imma issa qegħdin tgħidu: ‘Aħna naraw’, mela d-dnub tagħkom għadu fuqkom”. (Ġw 9:1-41)