Alla saqajh mal-art

Alla saqajh mal-art

Mument ta’ talb: It-Tlieta u Għoxrin Ħadd Matul is-Sena A


Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Ħadd: perspettiva

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, mument ta’ silenzju


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

F’qalbi hemm protesta kontra l-ħażen:

Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek?
Min joqgħod fuq l-għolja mqaddsa tiegħek?
Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb,
min jgħid is-sewwa f’qalbu;
min ma jqassasx bi lsienu,
ma jagħmilx deni lil ġaru,
u ma jgħajjarx lil għajru;
min ma jistmax lill-bniedem ħażin,
imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej;
min iwiegħed u jżomm kelmtu;
min jislef u ma jitlobx imgħax,
u ma jixxaħħamx kontra min hu bla ħtija.
Min jagħmel dan qatt ma jitħarrek.

 (Salm 15)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 18, 15-20)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu. Jekk jisma’ minnek, tkun irbaħt lura lil ħuk. Jekk ma jismax, erġa’ mur u ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, biex kull ma jingħad jissaħħaħ bil-kelma ta’ żewġ xhieda jew tlieta. Jekk imbagħad anqas minnhom ma jkun irid jisma’, mur għid lill-knisja. U jekk anqas mill-knisja ma jkun irid jisma’ żommu b’wieħed pagan jew pubblikan.

Tassew ngħidilkom, li kull ma torbtu fuq l-art ikun marbut fis-sema, u kull ma tħollu fuq l-art ikun maħlul fis-sema. Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet, jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi hemm inkun jien f’nofshom”.


Riflessjoni u talba:

The world is a dangerous place to live; not because of the people who are evil, but because of the people who don’t do anything about it. (Albert Einstein)

L-imħabba kreattiva ta’ Alla tesprimi ruħha fl-ogħla mod permezz tal-maħfra: fuq is-salib Ġesù mhux jintrebaħ mill-mibegħda iżda jiftaħ il-possibbilitá ta’ futur; “Missier aħfrilhom”; “lanqas jien ma nikkundannak, mur u tidnibx aktar”; “Tħobbni int? Irgħa l-ħrief tiegħi”

Iżda l-imħabba kreattiva t’Alla qatt ma tfisser li tagħlaq għajnejk quddiem il-ħażin u tħallih għaddej. L-imħabba timplika li tieħu azzjoni biex twaqqaf dak li jkisser il-komunità, dak li jkisser is-soċjetà. F’dan il-Ħadd mistednin niċċelebraw kif Alla huwa tassew saqajh mal-art: jaf x’jiġifieri l-kumplessità tal-ħajja u joffri triq li tagħmel sens.

i. Jekk

Ġesù jaf li l-ħajja kumplikata mhux ħażin.
Fuq kollox jaf u jemmen li kollox jgħaddi mil-libertà tal-persuna.
Għal numru ta’ drabi Ġesù jirrepeti il-kelma “jekk”. Bil-paċenzja jesplora t-toroq possibbli.
Ġesù jagħtina metodu biex nieħdu l-korrezzjoni fraterna bis-serjetà.
Jurina impenn biex dak li narawh bħala ħażin u li qed ikisser il-komunità/s-soċjetà nindirizzawh;
il-metodu ta’ Ġesù

  • jinkludi gradwalita: jekk l-ewwel pass ma jaħdimx, imbagħad tgħaddi għat-tieni;
  • jassigura stima tal-persuna l-oħra u joħloq ambjent li jgħinha “tisma’”;
  • iħares il-ġid tal-persuna mingħajr ma tagħmel kompromess mal-ħażin. (Ġesù jiekol mal-pubblikani iżda qatt ma għamel kompromess mal-korruzzjoni li kienu jwettqu).
  • Ftakar f’persuni (ħabib/a, ġenitur, l-għarus, il-mara, għalliem, qassis, …) li qalulek il-verità, fetħulek għajnejk b’mod ċar, mingħajr tidwir mal-lewża, iżda f’sens ta’ ħbiberija, ta’ sapport, imxew miegħek. Iċċelebra l-presenza ta’ Ġesù fihom.
  • Fejn tara azzjonijiet tajbin u kuraġġużi li jgħinu s-soċjetà ma tibqax aljenata quddiem il-ħażin, l-inġustizzja, il-faqar?

ii. Dak li torbtu fuq l-art, ikun marbut fis-smewwiet

Kultant naqtgħu qalbna jew neħlu, noqogħdu lura milli nieħdu deċiżjonijiet, jew nimtlew b’sens ta’ ħtija li jimblukkana, għax is-sitwazzjoni tkun kumplessa ħafna u nħossu li d-deċiżjoni tagħna mhux se tkun tajba (jew tajba biżżejjed, jew perfetta).
Ġesù jiżra fiduċja fid-dixxipli tiegħu sabiex jaġixxu, biex jieħdu deċiżjonijiet,
mhux b’arroganza iżda b’kuraġġ.
Alla jaf li jien la għandi l-informazzjoni kollha u  lanqas naf il-possibilitajiet kollha.
Iżda Alla issa lilek qed jafda: “dak li torbtu fuq l-art, ikun marbut fis-smewwiet”.

  • Liema deċiżjoni qed issib diffiċli tieħu? X’inhi l-informazzjoni li għandek f’idejk? Hemm xi parir li tista’ tieħu? Hemm ma’ min tista’ titkellimha? Fil-mod kif qed tara l-affarijiet bħalissa, x’inhi l-aħjar għażla possibbli? (L-aħjar possibbli qatt ma tfisser l-għażla perfetta).
  • Il-Mulej afda f’idejna l-ħolqien. X’qed jitlob minnek biex tmexxih ‘l quddiem? Dak li ser tagħmel int favur t-tajjeb, Alla ser isostnih. Dak li ser tagħmel biex twaqqaf il-ħsara li qed issir lill-ambjent, Alla se jagħmlu tiegħu.

iii. jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa

Il-fiduċja li Alla jpoġġi fina ma tridx tinbidel f’arroganza.
Meta l-bniedem jagħmel lilu nnifsu alla, jeqred mhux jibni (lil oħrajn, lis-soċjetà, l-ambjent).
Il-fiduċja t’Alla fil-bniedem lanqas ma tfisser li nagħmlu lil xi persuna flok alla, u nsiru bħan-nagħaġ ta’ bendu, insegwu bla ma nirriflettu. Tant nies għamlu ħażen enormi għax “obdew”lil xi mexxej b’għajnejhom magħluqa.
Meta l-ispiritwalità tkun fiċ-ċentru ta’ ħajjitna, meta inpoġġu d-deċiżjonijiet u nagħarbluhom quddiem Alla, insibu libertà u kuraġġ biex nagħmlu t-tajjeb.

Il-bniedem spiritwali jgħarbel kollox, u lilu ma jgħarblu ħadd. Min hu dak li jista’ jifhem il-ħsieb tal-Mulej biex ikun jista’ jgħallmu? Imma aħna, aħna għandna fina l-ħsieb ta’ Kristu”. (1 Kor 2, 16)

  • Xi tfisser li tara l-ħolqien mill-għajnejn ta’ Alla?
  • Liema deċiżjoni tixtieq tpoġġi quddiem Alla illum?

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ammen

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.