“Għarfuh” – Challenge accepted
Mument ta’ talb fid-dar fit-3 Ħadd tal-Għid.
Preparazzjoni: Ipprepara l-post għat-talb: xemgħa, salib, ritratti ta’ meta kontu żgħar/ritratti tan-nanniet/bużnanniet
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Ninsabu fil-preżenza t’Alla.
X’ser jiġri ‘l quddiem ma nafux, iżda l-Malti jgħid: “Sakemm iż-żejt fil-musbieħ, taqtax il-jies”. Jiġifieri l-affarjiet se jmorru għat-tajjeb jekk inħallu f’idejn il-Ħallieq. Wara kollox, min ħalaqna, jaf bina!
(Minn komponiment ta’ student tal-Form 5: Gilbert Abela)
Salm 15
Isma’ dan is-Salm kantat billi tagħfas play.
Alleluia, Alleluia, Alleluia.
Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.
Jien għedt lill-Mulej: “Int Sidi,
m’għandix ġid ieħor ħliefek”.
Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi,
inti żżomm f’idejk xortija.
Alleluia, Alleluia, Alleluia.
Inbierek lill-Mulej li tani l-fehma;
imqar billejl qalbi tgħallimni.
Inżomm lill-Mulej dejjem quddiemi,
għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek.
Alleluia, Alleluia, Alleluia.
Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi,
u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.
Għax int ma titlaqnix fl-imwiet,
ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar.
Alleluia, Alleluia, Alleluia.
Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;
hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,
hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek.
Alleluia, Alleluia, Alleluia.
L-Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skond San Luqa (Lq 29, 13-35)
Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel tabirruħu li kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm”. Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”.
Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”. U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.
Riflessjoni u talba:
Challenge accepted!
Bħalissa diversi qed ipoġġu ritratt tagħhom meħud numru ta’ snin ilu. Min 10, min 20, min aktar. Uħud biċ-ċajt, oħrajn b’interess.
Li nħares lura min fejn ġejt. Kemm kelli aktar xaghar, kif inbdilt, kif inbidlet il-moda. Jien u nagħżel ir-ritratti tiegħi niftakar fl-istejjer, dak li għaddejt minnu, dak li jsawwarni.
Jien u nħares lejn ir-ritratti li tella’ ħaddiehor: uħud narahom biss. Iżda oħrajn nagħrafhom. It-tbissima, il-ħbiberija, stejjer komuni, xi ħmerija, weġgħat moħbija. Mhux tara iżda tagħraf il-persuna.
Alla wkoll. Ma tiġbrux f’definizzjoni ta’ sentenza, iżda f’rakkont, fi stejjer, stejjer komuni: tiegħu u tagħna jidħlu f’xulxin. Id-dixxipli bdew jarawh iżda ma bdewx jagħarfuh. Xejn ma beda jagħmel sens.
Falla hu u fallejna aħna!
Challenge accepted!
Ġesù beda joħroġ ritratt wara l-ieħor. Uħud ta’ mijiet ta’ snin qabel.Beda minn Mose u l-profeti.
U jikkummenta: “ U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?”Imbagħad ħareġ l-aktar riċenti: issa r-ritratti jieħdu l-ħajja.
Il-memorja li tinbidel f’ħeġġa.
GħarfuH. F’erba’ ritratti riċenti li jiġbru kollox:
i) Ġesù qabad il-ħobż
Ġieli qaluli “kieku qatt jaqbad jagħmel xi ħaġa”.
Ġesù mhux hekk. Ġesù jaqbad il-ħobż. Ipoġġi qalbu f’dak li jagħmel.
Għax Hu wkoll f’idejn tajba, f’idejn il-Missier: Missier f’idejk nerħi ruħi.
Allura Ġesù jaqbad l-affarijiet bl-istess għożża, b’impenn, … u kollox jieħu valur.
Il-valur kemm tal-ħobż u kemm tal-istess dixxipli li Ġesù qabad, għażel. Forsi falluti imma żgur li afdati.
ii) Qal il-barka
Id-dixxipli kienu innutawh imur fis-skiet, fit-talb.Hemm kien jisma’ kliem tajba: “Inti ibni l-għażiż!”
U minn xufftejh kienu jisimgħu kliem ta’ barka,kliem li joħroġ it-tajjeb moħbi (fl-iżgħar żerriegħa, fil-ġilju, fl-iben il-ħali …).
Kliem ta’ xi ħadd li jaf japprezza, li jinkuraġixxi, li jiftaħ futur.
Meta tagħraf li inti imbierek tasal biex tbierek lil oħrajn.
iii) Qasmu
Għalina t-tifrik huwa hekk biss: tifrik u falliment totali.Jekk ħaġa mhix sħiħa u jien mhux kollox, jekk m’għandix l-kwalitajiet kollha, mela ma niswa għalxejn.
Jekk ma ġejtx l-ewwel mela l-aħħar. Loser!
Imma Ġesù jaqbad il-ħobż – magħmula diġa minn elf qamħa – u jaqsamha. It-tifrik isir il-post tal-għaqda.
Nitlob lill-Mulej jieħu f’idejh l-istejjer ta’ fallimenti tagħna – personali u tal-familja tagħna. U almenu jgħinni ma’ naqtax qalbi minħabba l-limiti li nara.
iv) Tahulhom
L-aħħar ritratt l-aktar li joqrob lejn ir-ritratt li qatt ma nistgħu nieħdu ta’ Alla:Il-ferħ veru, l-hena, il-paċi interjuri li iġorr l-Irxoxt ġej mill-fatt li Ġesù jagħti lilu innifsu għall-oħrajn.
Ħajja sabiħa, ħajja ħienja, hija ħajja mogħtija għall-oħrajn.
U għarfuH. Challenge accepted.
Mhux il-passat … mhux “O żmien ħelu kif għaddejtli” … lanqas “mitluf u fallut minħabba l-passat tiegħi”.
Ir-ritratti li joffri Ġesù huma tal-futur mhux tal-passat.
Qam Hu … inqumu aħna.
U telqu żiffa, żifna.
Nitolbu l-Missierna flimkien
P.S. Ħarsu lejn ir-ritratti tal-passat fil-presenza tal-Irxoxt. Qawwu qalbkom u ħarsu ‘l quddiem.