Teħilx
Mument ta’ talb: Is-Sitta u Għoxrin Ħadd Matul is-Sena A
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Ħadd
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, mument ta’ silenzju
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
F’qalbi hemm xewqa għal Alla imma għandi reżistenzi wkoll:
Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi.
Għalik nixxennaq il-jum kollu.
Ftakar fil-ħniena u fit-tjieba tiegħek,
għax huma minn dejjem, Mulej.
Tiftakarx fil-ħtijiet u fid-dnubiet ta’ żgħożiti:
inti tajjeb, Mulej;
ftakar fija skond it-tjieba tiegħek.
(Salm 24)
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 21, 28-32)
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu: “Intom x’jidhrilkom? Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Resaq fuq il-kbir u qallu: “Ibni, illum mur aħdem l-għalqa tad-dwieli”.
U dak qallu: “Ma rridx”. Iżda mbagħad biddel il-fehma u mar. Resaq fuq l-ieħor u qallu l-istess. “Arani sejjer, sidi,” qallu dan, u ma mar xejn. Min minnhom it-tnejn għamel kif ried il-missier?”. “L-ewwel wieħed”, weġbuh. U qalilhom Ġesù: “Tassew, ngħidilkom, li l-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin qabilkom fis-Saltna ta’ Alla. Għax Ġwanni ġie għandkom miexi fit-triq tal-ġustizzja, u intom ma emmintuhx iżda l-pubblikani u n-nisa tat-triq emmnuh; u għalkemm intom rajtu dan kollu, bqajtu sa la ħħar ma biddiltux il-fehma tagħkom, u ma emmintuhx”.
(Mt 21, 28-32)
Riflessjoni u talba:
F’ħajjitna faċli neħlu!
Ikun ċar li l-affarijiet mexjin ħażin iżda xorta mhux lesti nibdlu r-rotta.
Ġieli inkunu ċerti wisq minna nfusna u ma nħallu l-ebda kelma tajba, eżempju sabiħ jikkonvinċina..
Ġesù jersaq lejn dawk li l-aktar għandhom reżistenza għalih u għas-Saltna t’Alla u joffri d-duwa tiegħu:
i. “Intom x’jidhrilkom?”
Ġesù jibda b’mistoqsija fejn jivolvi lilhom (qassisin il-kbar u xjuħ tal-poplu). Huwa jirrikonoxxi d-dinjità tagħhom – għandhom d-don tal-libertà, l-kapaċità li jirriflettu fuq ir-realtà. Meta Alla jersaq lejna, jiġi biex iżid il-kapaċità ta’ libertà tagħna u mhux biex jisraqha.
Ġesu jersaq b’ħafna paċenzja filwaqt li jitkellem b’kuraġġ u b’mod dirett.
- Min huma l-persuni li resqu lejk b’paċenzja u onestà? Irringrazzja lil Alla għalihom.
- L-attitudni u stil ta’ Ġesù kif jistgħu jispiraw lill-Knisja, l-edukaturi, il-ħbieb?
ii. “Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied”
Ġesù jkompli billi jirrakkonta storja.
Rakkont jgħinek taffronta r-realtà mingħajr ma tħossok attakkat personalment.
Ġesù ivvinta l-isbaħ stejjer għall-kittieba u Fariżej sabiex jgħinhom jirbħu r-reżistenza, l-biża, l-għeluq li spiċċaw fih.
F’dan ir-rakkont jippreżenta żewġ karattri komuni fina: dak ribelluż, li l-ewwel jgħid le, iżda imbagħad jerġa jaħsibha u jwettaq; u dak li kollu kliem sabiħ iżda jibqa’ fuq livell superfiċjali. Ġewwa fina hemm mit-tnejn.
Ġesù jesprimi l-frustrazzjoni quddiem ir-reżistenza ta’ min imwaħħal u jammira lil dawk li kienu kapaċi jagħmlu pass ‘l quddiem, li jinbidlu.
Niċċelebraw il-konverżjonijiet:
- Uħud radikali: hemm min bidel ħajtu b’mod sħiħ; per eżempju min rebaħ vizzju.
- Hemm oħrajn anqas drammatiċi – dawk tal-ħajja ta’ kuljum: per eżempju, meta persuna tirbaħ l-iskuraġġiment; persuna li bdiet titlob ftit ħin kuljum …
- Uħud fuq livell ta’ komunità: fejn il-Knisja saret iżjed umli; pajjiż li jibda jieħu l-ġustizzja u r-rikonċiljazzjoni bis-serjetà; dinja li tagħżel stili ta’ ħajja aktar sostenibbli.
iii. “Il-pubblikani u n-nisa tat-triq deħlin qabilkom fis-Saltna tas-smewwiet”
It-tielet pass li jagħmel Ġesù huwa li jmiss il-ferita li ħafna drabi iżżommna milli nimxu: il-kburija, li naħseb li ġa wasalt, li jien tajjeb (għax nibża naffaċċja l-imperfezzjoni li kull bniedem iġarrab), li jien aħjar mill-oħrajn. Id-duwa li joffri Ġesù hija l-umiltà, li nitgħallem mill-oħrajn, li nħalli l-ego warajja.
Liema sinjali jew eżempji qed iqanqluk biex tagħmel bidla f’ħajtek? Kien hemm xi sinjali ripetuti, li ġew minn postijiet differenti u laqtuk b’mod partikulari? Fejn qed tara stedina, opportunità? Itlob li ma teħilx!
- Forsi xi sinjali fiżiċi – per eżempju għija jew uġiegħ – li qed jistednuk issib bilanċ aħjar;
- Xi ħadd mit-tfal li qed jgħallmek xi ħaġa importanti;
- Il-mod ta’ kif jitolbu persuni ta’ reliġjonijiet oħra qed ifakkrek biex tieħu t-talb bis-serjetà;
- Id-dinja – li forsi niġġudikaha b’mod negattiv – fejn persuni qed jieħdu bis-serjetà il-ħarsien tal-ambjent, uħud b’sagrifiċċju personali kbir.
Niċċelebraw il-mumenti meta smajna s-sinjali u għamilna deċiżjoni ta’ bidla.
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.