Fiduċjuż jew imbeżżgħa?

Fiduċjuż jew imbeżżgħa?

Mument ta’ talb: It-33 Ħadd Matul is-Sena A


Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Ħadd

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, mument ta’ silenzju


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Ir-rispett lejn Alla jnissel l-hena:

Hieni kull min jibża’ mill-Mulej,
kull min jimxi fit-triqat tiegħu!
Mix-xogħol ta’ idejk inti tiekol;
hieni int, u riżqek tajjeb!  

(Salm 127)



L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 25, 14-30)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Wieħed li kien se jsiefer, sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom. Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skond il-ħila tiegħu. U siefer.

Dak li kien ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qala’ ħamsa oħra. Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qala’ tnejn oħra. Iżda dak li ħa wieħed mar ħaffer fl-art u ħeba flus sidu. Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa’ lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom. Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra. “Sinjur – qallu – ħames talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.

Resaq ukoll dak li kien ħa żewġ talenti, u qallu: “Sinjur, żewġ talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt tnejn oħra”. Qallu s-sinjur: “Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek”.

Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal: “Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art: hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek”. Qabeż is-sinjur u qallu: “Qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx. Mela kien imissek mort qegħedt flusi l-bank biex, meta niġi, kont immur niġborhom bl-imgħax. Ħudulu mela t-talent u agħtuh lil dak li għandu l-għaxar talenti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu żżejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. U lil dan il-qaddej bla fejda itfgħuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hekk il-biki u t-tgħażżiż tas-snien””.  

(Mt 25, 14-30)


Riflessjoni u talba:

Hemm differenza kbira bejn li tibni ħajtek fuq il-fiduċja jew fuq il-biża’!


i. “Ħallielhom ġidu f’idejhom”



Hemm diversi nies li stagħġbu bil-fiduċja li Alla wera fihom, għamlu kuraġġ, għamlu pass, imbagħad ieħor, u ieħor; ħadu inizjattiva, ħadu riskju, fallew, ftakru fil-fiduċja, reġgħu bdew …  

  • It-tfajjel qal “irċevejt ħames ħobżiet. Ara, tmajna 5000 ruħ. U d-dixxipli għamlu l-qalb u ġabru 12-il qoffa. X’ġid aktar għamlu bihom Alla biss jaf!”
  • Żakkew qal “irċevejt żewġ rigali kbar: sejjaħli b’ismi u ġie joqgħod għandi, d-dar. U skoprejt tnejn oħra: il-ġustizzja u l-fraternità… Ara, nofs ġidi se nagħtih lill-fqar u lil min sraqt, nagħtih erba’ darbiet iżjed”.
  • Il-mara midinba qalet “irċevejt il-ħajja mill-ġdid meta kienu se jħaġġruni” u Ġesù qal lil Xmun “Qed taraha lil din il-mara? … Ħabbet ħafna!”.
  • U San Franġisk qal “Irċevejt dinja … ftaqart minn kollox u nista’ niggosta kollox …

Tifħir lilek, Mulejja, għall-ħlejjaq kollha,

l-aktar oħtna x-xemx, … ħuna l-qamar u l-kwiekeb … oħtna u ommna l-art,

li tgħajjixna u tmexxina,

u tagħti kull xorta ta’ frott ma’ ward u ħxejjex imlewna …

Irrifletti:

  • Fejn kellek esperjenza sabiħa ta’ xi ħadd li afdak?
  • Ieqaf fuq xi ħaġa waħda li Alla afdalek! Ieqaf ftit! Iggosta!



ii. “Bżajt”

Kultant aktar nemmnu fil-biża’ milli fl-imħabba u fil-fiduċja … Inpenġu lil Alla li “jafda ġidu f’idejna” – is-sabiħ, it-tajjeb, imħabbtu, lilu nnifsu – inpenġuh bħala “raġel aħrax”.

  • Il-Fariżej bdew igergru għax mar jiekol għand il-pubblikani u l-midinbin, ifejjaq nhar ta’ Sibt, jaħfer id-dnubiet … u bdew jippjanaw kif joqtluh u jordmuh fl-art;
  • Ħbejna l-Evanġelju tal-ħniena u wassalna alla li jbeżża’, kliem ta’ kundanna, qalb tal-ġebel għal min ma jidħolx fil-kaxxa preċiża tagħna;
  • Ħbejna l-provvidenza t’Alla u bżajna: bdilna d-dinja sabiħa f’post tal-kilba; bdilna pajjiż ta’ ospitalità f’patrijottiżmu razzist; bdilna l-professjonalità li tagħti dinjità lix-xogħol f’id li tisraq lill-klijent.

Irrifletti:

  • X’imexxik? Il-biża’ jew l-imħabba?

iii. “Idħol fl-hena ta’ sidek”

Filwaqt li Alla “ħallielhom  ġidu f’idejhom”(bil-grieg: paredōken),

l-bniedem jagħti lil Ġesù biex jissallab u jindifen fl-art (bil-grieg: paredōken)  (Mt 27, 26);

Imma Alla jibqa’ jissorprendi: Ġesù jagħtina l-ispirtu tiegħu – “radd ruħu” ((bil-grieg: paredōken Ġw 19,30).

Alla jerġa jafda ġidu f’idejna. Jerġa’ jafdana. Lid-dixxipli jgħidilhom “il-paċi magħkom”, “Morru fid-dinja kollha …”

Qum, imxi, afda, issogra, ħobb …

Dak li kien midfun qam. Idħol fil-ferħ tiegħu!

Ikkontempla:

  • Agħmel ftit ħin ta’ skiet … isma’ l-kliem “idħol fl-hena ta’ sidek” … isma’ l-qalb t’Alla tħabbat mhux bil-biża, lanqas bit-theddid, iżda bil-kuraġġ, bil-ferħ, bl-hena …

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ammen

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.