X’hemm ġdid?
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-Tielet Ħadd tal-Avvent
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: 4 xemgħat/girlanda, Bibbja, mument ta’ silenzju
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Ma’ Marija nieqaf quddiem Alla:
Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.
Iva, minn issa ’l quddiem
kull nisel isejjaħli hienja.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann (Ġw 1, 6-8.19-28)
Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhud, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ġwanni ma kienx id-dawl, imma ġie biex jixhed għad-dawl.
Ix-xhieda ta’ Ġwanni kienet din, meta l-Lhud ta’ Ġerusalemm bagħtu għandu xi qassisin u Leviti biex jistaqsuh: “Int min int?”. Hu stqarr bla ma ċaħad: “Jien m’iniex il-Messija”. Huma reġgħu staqsewh: “Mela min int? Elija?” “M’iniex”, qalilhom. “Int il-Profeta?” “Le”, weġibhom. Imbagħad qalulu: “Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna. Min tg ħid li int?” U hu wieġeb kif qal il-profeta Isaija: “Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Wittu t-triq tal-Mulej”.
Issa dawk il-messaġġiera kienu min-naħa tal-Fariżej. Huma staqsewh: “Mela kif qiegħed tgħammed la m’intix il-Messija, u la Elija u lanqas il-Profeta?” “Jiena ngħammed bl-ilma”, weġibhom Ġwanni, “imma f’nofskom hemm wieħed li intom ma tafuhx, u li ġej warajja; jien anqas ma jistħoqqli nħoll il-qafla tal-qorq tiegħu”.
Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn Ġwanni kien jgħammed.
(Ġw 1, 6-8.19-28)
Riflessjoni u talba:
Fl-ewwel Ħadd tal-Avvent l-immaġni prinċipali kienet dik tal-għajnejn miftuħa, anke fid-dalma tal-lejl. Fit-tieni Ħadd spikkat t-triq anke fid-deżert. It-tielet Ħadd jistedinna niskopru dak li ma jidhirx. Xi ftit bħalma virus li ma tarahx b’għajnejk iżda kulħadd jitkellem fuqu, kulħadd jagħmel bidliet kbar minħabba fih. Hekk dan il-Ħadd jiftħilna għajnejna għal dak li ma jidhirx iżda kapaċi jibdel kollox!
“Kien hemm raġel mibgħut minn Alla”
Dak li jidher huwa Ġwanni. Iżda l-awtur jurina dak li hemm moħbi: “raġel mibgħut minn Alla.” Ġwanni m’huwiex d-dawl iżda jixhed għad-dawl. Ħajtu tieħu valur speċjali minn dak li ma jidhirx mal-ewwel daqqa t’għajn.
- Għalhekk Ġwanni joħroġ bħala bniedem li għandu karattru – “he stands up for something”: “jixhed għad-dawl”, “jistqarr bla ma jiċħad”. Mhux bħal Pietru meta kien għadu jserraħ fuqu nnifsu: jiċħad bla ma jistqarr.
- Ġwanni huwa bniedem ta’ kuraġġ kbir iżda qatt vjolenti: għax ma jippretendix li hu xi ħaġa (m’inix Elija, profeta, il-Messija…).
- Għax mhux bniedem preokkupat bih innifsu, Ġwanni isir kapaċi jagħraf il-presenza moħbija t’Alla: “F’nofskom hemm wieħed li ma tafuhx …”
Irrifletti:
- Ieqaf ftit fuq il-kliem “mibgħut minn Alla”! Tagħraf li inti mibgħut minn Alla? Kif tibdlek din il-verità?
- F’dan iż-żmien li għaddejjin minnu, fejn tara l-presenza moħbija ta’ Alla? X’inhu li l-ġid li qed joħroġ minkejja kollox? Liema huma s-sinjali ta’ ħajja fid-“deżert”?
ii. “Mela min int? Biex nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna.”
Dan il-grupp ta’ “qassisin u leviti” differenti minn Ġwanni. Hemm presenza oħra moħbija. Jekk il-ħarsa ta’ Ġwanni hija fuq Alla u hemm isib il-qawwa u l-paċi tiegħu, mhux hekk għal dawn. Marbuta man-nies li bagħatuhom. Jirrispondu lilhom. Ma jispikkawx bħala nies ta’ karattru. Il-perspettiva tagħhom magħluqa. Mhux qed isaqsu biex jiskopru aktar iżda biex jikkontrollaw: “Min int? Mela kif qed tgħammed?”.
B’xi mod ilkoll kemm aħna jirreferi għal dak li hu moħbi. Min bħal Ġwanni jirreferi għal Alla, isir aktar ħieles, aktar uniku, aktar kapaċi jagħraf t-tajjeb moħbi. Filwaqt li meta nitmexxew mir-rispett uman faċli nitilfu dak is-sabiħ moħbi f’qalbna (il-qassis u l-levita kienu dawk li għaddew minn mal-ġenb u baqgħu sejrin fil-parabbola tas-Samaritan t-tajjeb!) u ngħixu minn biża u kontroll.
Irrifletti
- X’qed imexxik l-aktar bħalissa? Il-biża’ jew l-imħabba? X’tixtieq?
iii. “Dan ġara f’Betanja, in-naħa l-oħra tal-Ġordan, ”
Betanja lil hinn mill-Ġordan kien il-post fejn il-poplu Lhudi, wara 40 sena fid-deżert, daħal fl-art imwiegħda. Huwa post ta’ passaġġ mid-deżert għall-art imwiegħda (Bet-Abara = imkien il-mogħdija – Ara Ġożwe 3). Post fejn wieħed iġorr il-memorja ta’ dak li Alla għamel miegħu fid-deżert u post fejn wieħed jinfetaħ għall-ġdid imwiegħed minn Alla. L-Avvent ta’ din is-sena jista’ jkun iż-żmien li fih nagħarfu l-ġid moħbi fid-deżert, dak li tgħallimna matul dan iż-żmien, dak li jista’ jgħinna nibnu dinja aħjar, dinja aktar umana, dinja kif jixtieqha Alla: l-art imwiegħda.
Irrifletti:
- Mill-esperjenza ta’ din is-sena partikulari ħafna, x’tixtieq iġġorr miegħek? Tixtieq tagħmel xi bidliet fil-prijoritajiet ta’ ħajtek?
- Esperjenza: mill-intervista ma’ Fr Pier Luigi Maccalli SMA, missjunarju Taljan li għamel sentejn maħtuf minn jiħadisti radikali fin-Niger
“When, after the first 40 days, I understood that the road would be long, I looked at the sand dunes that surrounded me and I thought of the biblical desert.
I said, “Lord, you spent 40 days in the desert, but here it will be much longer. Israel remained in the desert for 40 years, but I will not live until then. I offer you this time in the desert as a time for me to rediscover my vocation.”
In the Bible, to go to the desert is always to find the motivation of the beginning. So it was a time to renew my covenant.
I confess that the desert was an opportunity for me to see the film of my life again and to enter into that great silence that allows us to see existence from a different perspective, given the speed to which we are accustomed today.”
(https://international.la-croix.com/news/religion/a-missionary-for-life/13443)
(Accessed 7 December 2020)
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.