L-ewwel passi taż-żifna.
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-Tielet Ħadd tas-sena
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Nidħol fil-presenza ta’ Alla b’sens ta’ gratitudni:
Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. (Salm 24)
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skond San Mark
Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla u jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”.
Waqt li kien għaddej ma’ xatt il-baħar tal-Galilija, lemaħ lil Xmun u ’l ħuh Indrì qegħdin ikalaw ix-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U Ġesù qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin”. U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.
Wara li mexa ftit ieħor ra lil Ġakbu ta’ Żebedew u lil ħuh Ġwanni fid-dgħajsa qegħdin isewwu x-xbiek, u minnufih sejħilhom. U huma telqu lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-lavranti, u marru warajh.
(Mark 1, 14-20)
Riflessjoni u talba:
i. Wara li arrestaw lil Ġwanni …
Tistenna li l-biża’ ser jirbaħ.
Ġwanni l-Battista ġie arrestat! Xokk kbir! Il-vuċi tal-bidla, li kulħadd sejjer għandu, fil-ħabs.
It-terrur ta’ Erodi jingħaqad ma’ dak tar-Rumani … u jasal qrib tagħna: aħjar tiskot!
Hekk inħossuna f’dinja fejn il-ħażen donnu jirrenja.
Imma f’dak il-post u f’dak il-mument fejn tidher li qed tintefa’ l-aħħar xemgħa,
Alla jibqa’ jikteb l-istorja, jiftaħ possibilitajiet, inibbet xitel li jagħtu frott tul is-sekli!
Irrifletti:
Fid-dinja mqallba li fiha ngħixu, fejn tara t-tajjeb jinbet?
ii. Galilija – Evanġelju
Ir-ripetizzjoni ta’ dawn iż-żewġ kelmiet iġġiegħlek issaqsi: x’hemm moħbi? X’hemm ġdid?
Din il-kitba, bi Grieg indirizzat lejn nies komuni li daqu l-persekuzzjoni,
tirrepeti l-kelma “Galilija” u “Evanġelju”.
Hemm storja li qed naqbdu magħha:
Ġesù jibda mill-Galilija,
post fil-periferija tad-dinja ta’ dak iż-żmien,
post ‘l bogħod miċ-ċentri tal-poter – Ruma, Ġerusalemm, il-palazz ta’ Erodi.
Hemm storja oħra li nistgħu nidħlu fiha.
Mhix l-istorja li tgħidlek li int xi ħaġa
- Jekk għandek poter
- Jekk int sinjur u għalhekk timmaġina li tista’ kollox
- Jekk int magħruf u tgawdi popolarità, tagħmel ħoss
Int xi ħaġa jekk tidħol fl-istorja li qed jikteb Alla!
Mill-periferija Ġesù iddaħħalna fi storja oħra, li tibqa’, li hi għal dejjem.
Hija storja li xxandar mhux illużjoni jew ħarba mill-ħajja,
iżda “Evanġelju” – “Aħbar tajba” li twassal għall-hena.
Fl-aktar post imbiegħed Ġesù jiftaħ triq għall-eternità.
Fil-post fejn inkunu ser nirrassenjaw ruħna mal-miżerja, erba’ min-nies isibu l-kuraġġ li jagħmlu għażliet sbieħ!
Irrifletti:
- F’liema storja tara ħajtek? Dik immarkata mill-biża li jnissel xi “Erodi”? L-istorja tal-flus, l-unur, jew popolarità?
- “Wearing unbranded and cheap clothes doesn’t mean you’re poor. Remember: you have a family to feed. Not a community to impress.” – Emma Watson. Din il-frażi kif tista’ tagħti ħjiel tal-libertà li ġie biex jagħti Ġesù.
iii. Minnufih
Dak li ġie jipproponi Ġesù mhux ‘l bogħod iżda possibbli u jibda mill-llum.
Is-Saltna t’Alla waslet. It-tip ta’ ħajja li tkun kuntent li tgħix fiha, qrib.
Hu it-triq!
Ġesù “minnufih” isejjaħ u
“minnufih” Xmun u Indri jiċċaqilqu, jagħżlu:
ma jibqgħux jgħixu fl-istorja żgħira ta’ suċċess personali,
imma jidħlu fl-istorja ikbar: tal-ġid, tal-ħajja li Alla jixtieq jaqsam mal-umanità.
Xmun u Indri mill-periferija meddew l-ewwel pass waqt li ħafna siktu għax beżgħu.
Illum qed jiżfnu xħin jaraw x’għamel Alla li beda mill-periferija.
Anke jekk tħares biss lejn Ruma: illum magħrufa għal żagħżugħ imsejjaħ mill-qiegħ tal-Galilija! San Pietru.
Ikkontempla:
It-talenti tiegħek kif tista’ tużahom fl-istorja li qed jikteb Alla u mhux sempliċiment f’suċċess personali?
The Kingdom (R. S. Thomas)
It’s a long way off but inside it
There are quite differenti things going on:
Festivals at which the poor man
Is king and the consumptive is
Healed; mirrors in which the blind look
At themselves and love looks at them
Back; and industry is for mending
The bent bones and the minds fractured
By life. It’s a long way off, but to get
There takes no time and admission
Is free, if you will purge yourself
Of desire, and present yourslef with
Your need only and the simple offering
Of your Faith, Green as a leaf.
Quoted in: Bonnie B. Thurston, The Spiritual Landscape of Mark, Minnesota 2008, xv.
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.