AVVIŻI – 28 ta’ Frar 2021

AVVIŻI – 28 ta’ Frar 2021

L-avviżi tal-parroċċa għal matul din il-ġimgħa 28 ta’ Frar sas-7 ta’ Marzu 2021:

1. Magazine Flimkien

Il-magazine Flimkien ta’ Marzu, li bħalissa mhux qed jitqassam fid-djar, tistgħu taqrawh xorta waħda on-line.

Dan ix-xahar fost affarijiet oħra nsibu kitba ta’ Oliver Friggieri dwar l-akbar mass meeting f’Malta, dwar ministru Pakistani li nqatel 10 snin ilu, id-dnub ta’ Adam u Eva u dwar il-magħmudija.

Insibu wkoll artikli dwar il-pittura tal-kruċifissjoni favorita tal-Papa, dwar ġenituri li jipproteġu żżejjed lil uliedhom, siltiet mid-djarju ta’ tfajla li qed taħseb biex tiżżewweġ, u artiklu dwar is-saħħa.


2. Eżerċizzi għal kulħadd

Mit-Tnejn 1 ta’ Marzu sal-Ġimgħa 5 ta’ Marzu ser issiru l-eżerċizzi għal kulħadd fil-Knisja Parrokkjali fit-8.15am. Inħeġġu lill-ġenituri li jwasslu t-tfal l-iskola primarja sabiex jieħdu vantaġġ u jattendu din in-nofsiegħa eżerċizzi. Ser imexxi l-eżerċizzi Fr Claude Mifsud.


3. Lectio Divina – riflessjoni fuq il-Vanġelu tal-Ħdud tar-Randan

Nhar ta’ Tnejn matul iż-żmien tar-Randan, wara l-quddiesa tas-6.00pm ser nitolbu flimkien bil-Kelma ta’ Alla bi preparazzjoni għall-Ħdud tar-Randan. Għalhekk, it-Tnejn 22 ta’ Frar 2021 fis-6:30pm ikollna nofs siegħa mal-Kelma t’Alla u nispiċċaw fis-7:00pm. Inħeġġiġkom sabiex nattendu.


4. Laqgħa għaż-Żgħażagħ bejn it-18 u l-25 sena

It-Tnejn 1 ta’ Marzu 2021 fit-8.00pm laqgħa fis-Sala Sant’Anna għaż-żgħażagħ bejn it-18 u l-25 sena.


5. L-Ewwel Qrara tat-tfal li ser jirċievu l-Ewwel Tqarbina
It-Tnejn 8 ta’ Marzu 2021 għat-tfal li jattendu l-Museum tas-Subien.
It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2021 għat-tfal li jattendu ċ-Ċentru tal-Katekiżmu tal-Munxar.
Il-Ħamis 11 ta’ Marzu 2021 għat-tfal li jattendu l-Museum tal-Bniet.
L-Ewwel Qrara ser ssir fil-Knisja Parrokkjali fl-4.30pm u l-ġenituri jiġu għat-tfal fil-5.20pm. Għal dawn il-laqgħat ser jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji relatati mal-Covid.


6. Mothers’ Prayers
L-Erbgħa 10 ta’ Marzu 2021 l-ommijiet kollha huma mistiedna sabiex nitolbu b’mod speċjali għal uliedna. Fid-9:00am tiġi ċċelebrata quddiesa fil-Kappella tal-Madonna tar-Rużarju fil-Villa Apap Bologna u wara mument ta’ riflessjoni sal-11:30am. L-ommijiet imħeġġa’ jattendu.


7. It-Talba ta’ filgħodu tal-Knisja

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa fis-7.25am nitolbu flimkien it-talba ta’ filgħodu tal-Knisja.


8. Via Sagra

Matul ir-Randan nhar ta’ Erbgħa u Ġimgħa jkollna t-talba tal-Via Sagra fil-Knisja Parrokkjali, għalhekk fil-5.15pm jkollna t-talba tar-Rużarju u fil-5.30pm il-Via Sagra.


9. Quddiesa u Barka fuq l-Omm u t-Tarbija fil-ġuf tagħha

Is-Sibt 13 ta’ Marzu 2021 fit-8.00pm ssir il-Quddiesa u l-Barka fuq l-Omm u t-Tarbija fil-ġuf tagħha bl-interċessjoni ta’ Sant’Anna li tħares lill-ommijiet u t-trabi fil-ġuf tagħhom. Mistiedna wkoll il-ġenituri li welldu tarbija biex jirringrazzjaw lil Alla.


10. Eżerċizzi għall-koppji

Mit-Tnejn 22 ta’ Marzu sal-Ġimgħa 26 ta’ Marzu ser issiru l-eżerċizzi għall-koppji fis-7.00pm fil-Knisja Parrokkjali. Nħeġġu lill-miżżewġin u lil dawk li qed jibnu familja sabiex jattendu għall-eżerċizzi. Ser imexxi l-eżerċizzi Fr Kevin Schembri.


11. Proġett 75 sena mit-twaqqif tal-Parroċċa

Fl-2024, il-Parroċċa ta’ Wied il-Għajn se tkun qed tfakkar il-75 sena mit-twaqqif tagħha. Bħala Parroċċa se nkunu qed niċċelebraw dan l-avveniment bi proġett komunitarju u bil-pubblikazzjoni ta’ ktieb, li jkollu wkoll l-għan li jiddokumenta dan il-proċess.

L-għan ta’ dan il-proġett hu li niskopru mill-ġdid x’jagħmel lil Wied il-Għajn dak li hu, kif l-istejjer tal-art u tan-nies li joqogħdu fiha ntagħġnu flimkien, bit-tama li l-istorja ta’ Wied il-Għajn tkun apprezzata, mgħożża u mgħoddija lil ġenerazzjonijiet futuri ta’ Skalin.

Jekk tixtieq tagħmel parti minn dan il-proġett, nitolbuk timla’ dan il-kwestjonarju: http://marsaskalaparish.org/progett75 jew tieħu karta mis-sagristija.

Barra minn hekk, jekk għandek xi ritratti antiki ta’ Wied il-Għajn u li jistgħu jkunu murija f’esebizzjoni u/jew ikunu pubblikati fil-ktieb, nitolbukom tkellmu lil xi ħadd minna s-saċerdoti.

Comments are closed.