Sabiħ ix-xagħar imqanfed.

Sabiħ ix-xagħar imqanfed.

Niċċelebraw l-Evanġelju tar-4 Ħadd tal-Għid

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Nidħol fil-presenza ta’ Alla li hu tajjeb:

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu!
Aħjar tistkenn fil-Mulej
milli tittama fil-bnedmin.
Aħjar tistkenn fil-Mulej
milli tittama fil-kbarat..

(Salm 117)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Il-mikri, li mhuwiex ir-ragħaj, u li n-nagħaġ mhumiex tiegħu, jara l-lupu ġej, u jħalli n-nagħaġ u jaħrab; u l-lupu jaħtafhom u jxerridhom. Mikri hu, u ma jħabbilx rasu min-nagħaġ.

Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili, bħalma l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill-Missier; u għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti. Għandi wkoll nagħaġ oħra, li mhumiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed.

Għalhekk iħobbni l-Missier, għax jien nagħti ħajti, biex nerġa’ neħodha. Ħadd ma jeħodhieli, iżda jien nagħtiha minn rajja. Għandi setgħa li nagħtiha, u għandi s-setgħa li nerġa’ neħodha; din hi l-ordni li ħadt mingħand Missieri”.

(Ġwanni 10, 11-18)

Pexels/Keira Burton – Jieħu interess


Riflessjoni u talba:

i. Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu …

Il-moda tinbidel.
Dak li jogħġobni illum jaf idejjaqni għada.
Iżda hemm sbuħija li tibqa’ tirxoxta.

Is-salib mistmerr li jumilja,
sar is-salib li jsebbaħ u jerfa’,
għax fuqu tela’ ir-ragħaj it-tajjeb/is-sabiħ (kalos),
li jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu;

għax fuq is-salib,
kull ġest huwa espressiv,
ix-xagħar imqanfed għal raġuni,

għax mhux bħall-mikri li ma jħabbilx rasu min-nagħaġ,
għax fiż-żmien iebes joħroġ għonqu għall-merħla,
u l-ilma jinbidel fl-inbid it-tajjeb (kalos– Ġwanni 2,10)
u f’kull ġest tiegħu jilma l-għemil it-tajjeb (kalos) tal-Missier

(Ġwanni 10,32.33)

Irrifletti:

  • Ftakar f’xi ġest sabiħ, azzjoni tajba li għamilt din il-ġimgħa? X’għamlu ġest sabiħ? X’ħalla fik?
  • Fejn tilma l-imħabba tal-Missier?
Pexels/Liza Summer

ii. Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili.

It-tajjeb u s-sabiħ ma ssibux fil-mera!
Quddiem il-mera, jekk timtela (bik innifsek) teħel,
u jekk taqta’ qalbek teħel ukoll.

It-tajjeb u s-sabiħ huwa dak li immarkat bl-imħabba,
Imħabba li tagħraf, tistagħġeb, tirrikonoxxi,
Imħabba li toħloq sensta’ appartenenza.

Il-kruha tinfirex meta nfittex li naħtaf, nikkontrolla, nuża u narmi.
Is-sbuħija tilma meta kull ġest magħmul b’mod personali, b’tenerezza,
iwassal għal ħbiberija, komunjoni, qsim tal-ġid.

Irrifletti

  • Ieqaf fil-presenza ta’ Ġesù li jafek, jagħarfek, iħobbok, iqisek ta’ ġewwa.
  • Min huma l-persuni  li  jagħtuk ħjiel ta’ dan l-għarfien sabiħ ta’ Ġesù? Li fil-presenza tagħhom fil-mod kif ikellmuk, tinduna li jafuk sew u jħobbuk b’mod personali; tinduna li qatt mhu ser jarmuk! Kif tista’ tikkomunika imħabba simili?
Pexels/Brandon Sims

iii. Ħadd ma jeħodhieli (ħajti), iżda jien nagħtiha minn rajja.

Hemm libertà li teqirdek!
Hemm libertà li tirxuxtak!

Ħafna drabi l-ideal propost huwa li tkun liberu billi TAGĦŻEL.
Agħżel li trid .. l-aqwa li tagħżel.
Ħadd ma għandu jindaħallek x’tagħżel.
Ħalli lil kulħadd jagħżel li jrid.
L-aqwa li tagħżel!
U l-għada … ???

Ġesù ma jipproponix ideal ta’ libertà fl-astratt li meta mħaddem jeqirdek.
Ġesù jagħtina triq ta’ libertà li tidher stramba.
Il-punt tat-tluq mhix l-għażla iżda n-nuqqas ta’ għażla: li issib lilek innifsek maħbub.
Maħbub għal xejn b’xejn! Bla ma għażilt l-ebda ħaġa inti!
U xħin idduq is-sabiħ … it-tajjeb
tinbet fik il-libertà li tagħmel ġesti sbieħ, tajba,
ġesti fejn tagħti ħajtek;
mhux ġesti ħerġin mill-biża’: fejn qatt ma nintefa fil-ħajja, azzjonijiet difensivi.

F’Ġesù l-ubbidjenza lejn il-Missier (l-imħabba) u l-libertà li jagħti ħajtu mhux kontra xulxin.
Meta timxi din it-triq issib li ħajtek qiegħda kull darba tirxoxta,
għax kull ġest ikun mimli ħajja għax mimli bl-imħabba eterna t’Alla.

Irrifletti:

  • Agħraf li inti maħbub/a! B’mod profond.
  • Għal min qed tagħti ħajtek?

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.