X’taqbad tgħid!?

X’taqbad tgħid!?

Niċċelebraw l-Evanġelju tas-6 Ħadd tal-Għid

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.


Nidħol fil-preżenza ta’ Alla b’ferħ : 

L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,
rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
infexxu fil-hena, ifirħu u għannu!

(Salm 97)
 


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed fi mħabbtu. Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.
 
Dan hu l-kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kulma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom.
 
Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’, ħalli kulma titolbu lill-Missier f’ismi, huwa jagħtihulkom. Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin”.

(Ġwanni 15, 9-17)

pexels/pixabay – Communicate for communion or division?

Riflessjoni u talba:

i. Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.

X’taqbad tgħid?
Hekk ngħidu f’sitwazzjonijiet diffiċli:
Għax kull kelma għandha piż.

F’dan id-diskors,
wara li ħasel riġlejn id-dixxipli u ħabbar it-tradiment ta’ Ġuda maċ-ċaħda ta’ Pietru,
Ġesù jikxef għaliex jgħid dak li jgħid.

Biex il-ferħ tiegħi ikun fikom u biex l-ferħ tagħkom ikun sħiħ.

F’nofs tradimenti u konfoffi (biex joqtluh – ħsara estrema),
Ġesù jikkomunika minn post ta’ ferħ
jikkomunika biex ħaddieħor ikollu l-milja tal-ferħ:

Tal-għaġeb!

 Irrifletti:

  • X’imexxik fil-komunikazzjoni tiegħek?
pexels/Anna Shvets – communicate to bring joy 


ii. Sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kulma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom.

Alla qal “Ħa jsir id-dawl” … u d-dawl sar

Alla qal “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna… “ u hekk sar. U ħares Alla lejn kulma kien għamel, u ara, kollox kien tajjeb ħafna”.

L-istess Alla, bil-kelma qawwija tiegħu,
bil-kelma li ħierġa mill-ferħ,
issejħilhom ħbieb u jagħmilhom ħbieb,
jagħmilna ħbieb.

Il-kliem ta’ Ġesù mhux paroli vojt.
Mhux jikkomunika biex jimmanipula l-qalb,
lanqas jgħid biċċa verità biex jiżvijak u jkollu poter fuqek,
mhux propaganda biex iċċapċaplu talli qed jisirqek ħaj.

Iżda jaqsam dak li hemm fil-qalb tiegħu;
jagħti ħajtu biex jien ngħix.
Hekk jikkomunika dak li isejħilna u jagħmilna ħbieb.



Irrifletti

  • L-istil ta’ Ġesù kif jista’ jsaħħaħ il-ħbiberiji tiegħek? Il-komunikazzjoni fil-familja tiegħek? Fil-Knisja?
pexels/dietmar janssen – Communicate wholeheartedly


iii. Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin

Dejjem rajtha stramba: Ġesù kif jitkellem fuq ħbiberija u fl-istess nifs “jikkmandana”?
Min joqgħod jikkmanda mhuwiex dak li jipprova jikkontrollana? Jinqeda bija? Jisraqli l-libertà?

Imma jista’ jkun li f’Ġesù bil-kontra?
Jekk ġie mhux biex ikun moqdi (imma biex jaqdi)
jekk ġie bħala dak li jaħsel ir-riġlejn
il-kmand tiegħu hi kelma li toħloq il-libertà vera fija,
il-kmand tiegħu jagħtina s-sigriet tal-libertà tiegħu:
il-code biex f’nofs it-terrur jibqa’ ħieles u mimli hena!

Jista’ jkun li qed jikkomunika magħna is-sigriet ta’ komunikazzjoni vera, ta’ libertà vera, ta’ hena tassew?
#li tħobbu lil xulxin!
#kif ħabbejtkom jien!



Irrifletti:

  • Lil min ser tħobb illum?

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.