Destin jew destinazzjoni?

Destin jew destinazzjoni?

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.


Nidħol fil-preżenza ta’ Alla b’sens ta’ tifħir : 

Għannu lil Alla, għannu,
għannu lis-sultan tagħna, għannu.

(Salm 46)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù wera ruħu lill-Ħdax u qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu. Min jemmen u jitgħammed, isalva; iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat. U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu: f’ismi jkeċċu x-xjaten, jitkellmu b’ilsna ġodda, jaqbdu s-sriep b’idejhom, u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt ma jagħmlilhomx ħsara; iqiegħdu jdejhom fuq il-morda u dawn ifiqu”.

U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla. Huma mbagħad marru jipprietkaw kullimkien; il-Mulej kien jaħdem magħhom u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.

(Mark 16, 15-20)

pexels/pixabay –  Destin jew destinazzjoni?

Riflessjoni u talba:

i. Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu

Lil Ġesù kienu semgħuh għal tliet snin; u rawh jagħmel mirakli;
Imma xorta ħarbu!
Beżgħu!
Ingħalqu!

Issa iltaqgħu miegħu irxuxtat,
għarfu li fih Alla qed jaġixxi.
U bħal fil-bidu tal-ħolqien,
il-Kelma tiegħu iċċaqlaq kollox:
Morru!
Għixu!
Tibżgħux!
Wasslu ħajja, aħbar tajba …
lil kulħadd!

Irrifletti:

  • Xi tfisser għalik li Kristu Rxoxt juri fiduċja fik b’dan il-mod?
pexels/jose aragones: Morru fid-dinja kollha…


ii. U dawn huma s-sinjali li jsieħbu lil dawk li jemmnu.

Hekk kif it-tjubija t’Alla dehret
fil-ħarsa, fil-ġesti, f’kull azzjoni ta’ Ġesù,
hekk Alla jkun preżenti
fil-ħarsa, fil-ġesti, fl-azzjoni tiegħek.

Ħarsa ta’ kompassjoni quddiem pjanta bil-għatx;
ġest ta’ ġustizzja lejn bniedem li qed jiġi sfruttat jew mormi;
azzjoni umli li tinseġ l-għaqda fejn il-firda qed tiżdied.
 

Irrifletti

  • Liema azzjoni tiegħek turi b’mod sabiħ lil Alla?
  • Fejn għandek stedina biex tesplora xi ħaġa ġdida?
pexels/zen chung: Ġesti ta’ kompassjoni


iii. U hekk il-Mulej Ġesù, wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema.

Issa l-ġisem tal-bniedem imtella’ fis-sema!
Id-destin tagħna mhux it-trab.
It-triq ta’ ħajjitna għandha destinazzjoni.

Triq li timliena b’tama u responsabbiltà;
responsabbiltà li niżirgħu it-tama,
b’azzjonijiet konkreti, sempliċi, determinati, qawwija.

Ikkontempla:

If you give all your life to the earth,
The earth will give you a tomb;
But if you give your life to heaven,
Heaven will give you a throne.
 
St. Ephrem the Syrian


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.