Ħaġa waħda tonqsok!

Ħaġa waħda tonqsok!

Niċċelebraw it-28 Ħadd matul is-sena

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Imliena bit-tjieba tiegħek, Mulej. (Salm 89)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù kien se jaqbad it-triq lejn Ġerusalemm, meta mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”.

Qallu Ġesù: “Għaliex qiegħed issejjaħli tajjeb? Ħadd mhu tajjeb ħlief Alla biss. Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u ’l ommok”.
U dak wieġbu u qallu: “Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti”. Imbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja”. Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.

Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!”. Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù raġa’ qalilhom: “Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta’ Alla! Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla”. Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: “Mela min jista’ jsalva?”. Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun”.

Qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk”. Qallu Ġesù: “Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej”.

(Mk 10:17-30)


Riflessjoni u talba:

i. Ġesù kien se jaqbad it-triq lejn Ġerusalemm …

Hemm tinsab it-taqbida tagħna.
Nixtiequ nidħlu fil-ħajja, fil-ħajja ta’ dejjem.
Interessati! Ngħaġġlu, infittxu kull meta nsibu opportunità.
Nixtiequ nkunu kuntenti.
 
Imma xħin insaqsu navviċinaw lil Ġesù, insibuh jaqbad it-triq lejn Ġerusalemm:
għalfejn jimpenja ruħu daqshekk?
għalfejn jintefa b’ruħu u ġismu?
għalfejn jitla’ biex jingħata?
Impenjattiva wisq! M’hemmx triq eħfef għall-ħajja? Għall-kuntentizza?
 
Pero’ hemm xewqa fija li nadotta l-istil ta’ ħajja tiegħu.

Irrifletti

  • Fejn qed tikber fik ix-xewqa għal xi ħaġa aktar profonda fil-ħajja?


ii. Imbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu …

Ġesù jikkomunika Mhix ħarsa ta’ kontroll,
lanqas ta’ akkuża,
iżda ta’ min jara fil-fond,
ta’ min jagħraf x’qed iżommna medjokri fil-ħajja,
ta’ min, għax iħobb, kapaċi mhux biss jisfida iżda wkoll jiżblokka qawwiet moħbija:
min jieqaf għal żmien twil taħt din il-ħarsa (id-dixxipli baqgħu anke jekk kien għadhom ma fehmux);
min jibqa’ miexi miegħu, jiskopri “li għal Alla kollox jista’ jkun”.

 

Irrifletti

  • B’liema mod tara l-ħarsa ta’ Ġesù fuqek?


iii. U Ġesù qallu: “Ħaġa waħda tonqsok …”

Ħaġa waħda!
Xliel irqiq iżomm għasfur milli jtir.
Rabta żbaljata iżżommna milli nidħlu fil-ħajja:
Meta l-ħlejqa tieħu post il-Ħallieq!
Mur … ieqaf adura l-flus … uża l-ġid biex tagħmel il-ġid …
U imxi warajja …’
kull fejn id-dixxiplu jibda jitlef l-umanità tiegħu u jibda jpoġġi lilu nnifsu ‘l fuq mill-oħrajn
kull fejn il-bniedem jinsa li anke hu jibqa’ ċkejken, fraġli
jew aħjar kull meta l-bniedem jibża’ minn din il-verità
u jagħżel triq żbaljata: dik li jaħtaf u jikkontrolla.
Jinkorla meta
nitilfu l-verità li l-ħajja, s-Saltna tilqagħha bħal tifel ċkejken
u tista’ tilgħab u tiżfen hekk kif idduq il-ġenerożità infinita t’Alla miegħek.

Irrifletti

  • Ieqaf ftit fuq il-kliem: “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi: xejn ma jonqosna”.

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.