Musbieħ inemnem ma jitfihx!

Musbieħ inemnem ma jitfihx!

Niċċelebraw id-29 Ħadd matul is-sena

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Imliena bit-tjieba tiegħek, Mulej. (Salm 89)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u qalulu: “Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna”. “Xi triduni nagħmlilkom?” staqsiehom. U huma weġbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek”.

Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?”. ”Għandna”, qalulu. Imbagħad qalilhom Ġesù: “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien; imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din mhijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija”.

L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni. Imma Ġesù sejħilhom u qalilhom: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”.

(Mk 10:35-45)


Riflessjoni u talba:

i. “Xi triduni nagħmlilkom?”

Jeħodhom bis-serjetà!
Qasba mġelġla ma jiksirhiex.
L-entużjażmu tagħhom ma jitfihx.
 
Jafferma t-tajjeb li għandhom,
filwaqt li b’mod umli ipoġġi l-limitazzjonijiet tiegħu:
mhux f’idejja li nqassam min joqgħod fuq il-lemin u x-xellug.
 
Jidher mill-ewwel bħala dak li ma ġiex biex jikkmanda u jqiegħed in-nies f’posthom,
iżda biex jaqdi fis-skiet sakemm joħroġ l-umanità li hemm f’kull bniedem.

Irrifletti

  • Jekk isaqsik “xi tridni nagħmillek?” xi twieġbu?


ii. Ma tafux x’intom titolbu.

L-entużjażmu faċli jkun ambigwu:
nixtiequ sehem mill-glorja ta’ Ġesù, mis-sbuħija ta’ ħajtu, mis-suċċess
imma billi ngħaddu minn triq differenti:
mhux dik li tgħaddi mill-passjoni;
mhux dik li ta’ fiduċja fil-fedeltà tal-Missier;
iżda t-triq tal-kontroll u l-ħakma,
tal-favuri u t-tixħim,
tal-jien fuq l-oħrajn.

 

Irrifletti

  • Hemm xi ġrajja li ġabitek aktar f’sensik?


iii. min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom …

Ma joqtolx l-ambizzjoni, l-enerġija, x-xewqat kbar,
iżda jagħtihom direzzjoni li tħalli l-frott:
Mhux is-servizz tiegħi innifsi u kif ser nilħaq jien
iżda kif il-qawwa li rċevejt nużaha biex nibni l-persuni u nibni l-komunità.
Il-kobor ma tikkalkulahx fuq kemm inti ‘l fuq mill-oħrajn,
iżda mill-kwalità ta’ kif qrobt lejn l-oħrajn,
mill-istil ta’ kif ħabbejthom u ħdimt għall-ġid tagħhom.
Il-komunità nisranija, il-familja nisranija ma sseħħx fejn kulħadd ifittex li jkun l-ewwel (a skapitu tal-oħrajn)
iżda meta ssib persuni li jfittxu li jkunu minn tal-ewwel li jaħdmu għall-ġid tal-oħrajn.

Irrifletti

  • X’jimmarka r-relazzjonijiet tiegħek?

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.