There’s a limit!
Niċċelebraw it-3 Ħadd tal-Avvent – Sena C
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Kbir hu f’nofsok il-qaddis ta’ Israel. (Iżaija 12)
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, in-nies kienu jistaqsu lil Ġwanni u jgħidulu: “Mela x’għandna nagħmlu?”. U huwa kien iweġibhom: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess”. Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna?”. U huwa weġibhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu”. Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: “U aħna, x’għandna nagħmlu?”. U huwa weġibhom: “Tisirqu lil ħadd bit-theddid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom”.
Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor il-qamħ fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex”. U b’ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu l-bxara t-tajba.
(Lq 3, 10-18)
Riflessjoni u talba:
i. “Mela x’għandna nagħmlu?”
Quddiem l-isfidi kollha li naraw madwarna,
quddiem l-istennija ta’ Messija,
in-nies isibu l-kuraġġ li jsaqsu:
X’għandna nagħmlu?
Mhux “x’għandhom jagħmlu?”
Jiġifieri il-kuraġġ li tpoġġi limitu għalik innifsek:
li ma tużax il-poter u tabbuża minn ħaddieħor,
li ma tisraqx,
li tgħix b’inqas u taqsam ma’ ħuk, ma oħtok fil-bżonn.
Irrifletti
- X’lest li tagħmel?
ii. Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija.
Il-poplu li jagħraf il-limitazzjonijiet tiegħu,
li ma jagħmilx lilu nnifsu alla,
ma jiddisprax quddiem it-traġedji:
isaqsi u jinfetaħ għall-għajnuna,
hħandu post għall-Messija,
iħalli spazju għall-ħerqa, ,
ħeġġa li tkeċċi l-letarġija, il-qtigħ il-qalb, il-pessimiżmu.
Irrifletti
- Fejn qiegħed tistenna b’ħerqa?
iii. “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu.”
Ġwanni isir ix-xempju tal-bniedem li jagħraf il-limitazzjonijiet tiegħu,
jaf x’jista’ jagħmel hu u jagħmlu,
jaf jiftaħ għal dak li ġej –
li lanqas jistħoqqlu jħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu.
Interessanti!
Il-bniedem li tant konxju tal-limiti tiegħu u tant miftuħ għal Alla
– Ġwanni –
fil-pariri tiegħu dejjem jistieden biex bniedem ikun miftuħ għal bniedem ieħor:
“Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn.”
Irrifletti
- Fejn huma l-limiti tiegħek? Kif huma l-post ta’ grazzja?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.