Għajnejn mera tal-qalb!
Niċċelebraw l-Evanġelju tas-6 Ħadd tas-Sena Ċ
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù niżel mat-Tnax u waqaf f’wita, flimkien ma’ kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies minn kull naħa tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon. Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal:
“Henjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla.
Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin.
Henjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew.
Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina.
Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti.
Imma ħażin għalikom intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh. Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ. Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewħu u tibku. Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!”
(Lq 6:17,20-26)
Riflessjoni u talba:
i. Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Henjin intom il-foqra …”
Ma’ Ġesù ħarist ‘l fuq f’għajnejn dawk li bilkemm qed ilaħħqu mal-ħajja
u rajt qalb tiżen x’l-aħjar
qalb attenta biex tista’ tagħti l-aħjar lill-uliedha;
rajt dinjità, sens ta’ qies, apprezzament!
Ħarist f’għajnejn dawk li jaħsbu li jistgħu jixtru kollox bil-flus
u sibt ħela, arroganza, faqar!
Irrifletti
- Tħares minn fuq lejn l-oħrajn?
ii. Henjin intom li għalissa bil-ġuħ …
Ma’ Ġesù ħarist ‘l fuq f’għajnejn min hu bil-ġuħ
u skoprejt persuni għajnejhom miftuħa, attenti,
kapaċi jaraw u japprezzaw persuna oħra
kapaċi jgħidu “fejn jiekol wieħed, jieklu tnejn”.
Ħarist ‘l fuq f’għajnejn min hu mxebba’:
la ra lili u lanqas lil ħadd!
Irrifletti
- X’jimla ‘l qalb tiegħek?
iii. Henjin intom li għalissa tibku …
Ma’ Ġesù ħarist ‘l fuq f’għajnejn imxarrba bid-dmugħ
u rajt ir-rifless tal-qalb li tħobb
bla pretensjonijiet quddiem ir-rigal tal-imħabba tal-maħbub/a;
qalb tenera mweġġa’ bl-inġustizzja li sofriet hi jew persuna oħra!
Ħarist ‘l fuq f’għajnejn min qed ifaqqa d-daħk
u ma stajt insib xejn!
Irrifletti
- Meta doqt il-hena ta’ min ma jaħrabx it-tbatija tal-qalb?
iv. Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom …
Ma’ Ġesù ħarist ‘l fuq f’għajnejn min għamel għażla ta’ prinċipju f’ħajtu
u baqa’ miexi magħha;
rajt is-silenzju dinjituż ta’ min sorpriż bit-tmejjil għax għażel it-tajjeb
rajt id-determinazzjoni ta’ min jibqa’ impenjat b’kuraġġ qawwi, bla vjolenza!
Ħarist f’għajnejn il-populisti u l-opportunisti,
sibt biża’
imma sinsla le!
Irrifletti
- Lejn x’hiex taspira?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.