Ikel li jfejjaq!

Ikel li jfejjaq!

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-22 Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Darba, kien is-Sibt, Ġesù daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih. Billi ra b’għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem fil-mejda, qalilhom din il-parabbola: “Meta wieħed jistiednek għal xi festa ta’ tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta’ quddiem, li ma jkunx hemm xi mistieden aqwa minnek, u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek jgħidlek: ‘Agħti l-post lil dan’, u int imbagħad, b’regħxa ta’ mistħija fuqek, ikollok tieħu l-post tal-aħħar.
 
Għall-kuntrarju, meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post tal-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek: ‘Ħabib, itla’ f’post aktar ’il fuq’. U dan ikun ta’ ġieħ għalik quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.
 
Imbagħad qal ukoll lil dak li kien stiednu: “Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom. Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja”.

View Post



(Lq 14:1,7-14) 

pexels/andrea piacquadio: enslaved or liberating look?

Riflessjoni u talba:

i. “… huma qagħdu għajnejhom fih. Billi ra b’għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem …”

Huma “qagħdu għajnejhom fih”,
beżagħna li jista’ jieħdilhom posthom,
biex fil-każ iqiegħduh f’postu.
 
Min-naħa tiegħU
jinnota, jaqbad il-patterns, il-mod ta’ ħsieb
li jisraq il-paċi tal-qalb u jirrendi n-nies għedewwa ta’ xulxin,
fuq l-istess mejda!!


 

Irrifletti

  • Liema mod ta’ ħsieb jagħmillek il-ħsara?
pexes/skylar kang: go beyond the ego


ii. “meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post tal-aħħar … 

Ġesù joffri l-ewwel duwa:
għażel li ma tinħakimx mill-paragun, mill-ġudizzju, mill-kejl tan-nies!

Imma lanqas tirtira lura, taħbi t-talent, tisparixxi,
għax tibża’ mill-ġudizzju u l-kejl tan-nies!

Imma ikkontribwixxi b’dak li int,
fittex it-tajjeb għax hu tajjeb,
u Alla, li jara dak li hu fil-moħbi, iroddlok Hu!
U lil bnedmin l-oħra tibda tħares lejhom mhux bħala theddida iżda bħala ħutek!

Irrifletti

  • Xi tfisser għalik li tagħżel l-aħħar post?
pexels/kampus production: aim at unconditional sharing


iii. “meta tagħmel ikla, stieden il-foqra …”

Tagħmilx ikla biex jiġu jitimgħuk:
 
jekk tistieden lil ħutek biex tara x’ser takkwista minn fuqhom,
x’jibqa’ mill-familja?
 
Jekk tistieden lill-ħbieb għall-interessi moħbija tiegħek,
x’jibqa’ mill-ħbiberija?
 
Kun ġeneruż,
għannaq il-fraġilità ta’ ħutek, tal-ħbieb, tal-bniedem,
agħti spazju f’qalbek biex tagħti bla ma tistenna lura!
Imbagħad tibda sib lilek innfisek sorpriż bis-sbuħija tal-ġenna!

Irrifletti

  • Fejn kellek esperjenza sabiħa ta’ mħabba ġeneruża?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.