Ġewwa jew barra?

Ġewwa jew barra?

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-28 Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Il-Mulej għarraf is-salvazzjoni lill-ġnus.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Ġara li huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija. Kif kien dieħel f’raħal, iltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu ’l bogħod minnu, għollew leħinhom u qalulu: “Ġesù, mgħallem, ikollok ħniena minna!”. Kif rahom, qalilhom: “Morru uru rwieħkom lill-qassisin”. U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom. Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa’ lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla, inxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan. U Ġesù qabad u qal: “Mhux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani?”. Imbagħad qallu: “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek”.

(Lq 17, 11-19)

pexels/cottonbro: walking on the boundary reaching towards wholeness

Riflessjoni u talba:

i. Ġara li huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija …

Meta, għax kien tielgħa Ġerusalemm,
is-Samaritani ma riduħx jidħol fir-raħal tagħhom (ara Lq 9,53)!
tnejn mid-dixxipli riedu jitolbu li jinżel nar fuqhom.
 
Ġesù la jitfixkel,
lanqas jimponi:
jibqa’ tielgħa lejn Ġerusalemm.
Ma ġejtx biex nikkundanna, lanqas biex inkun moqdi
iżda biex insalva!
 

Irrifletti

  • X’inhi l-motivazzjoni prinċipali ta’ ħajtek?
pexes/hatice baran: walking that others may fly


ii. iltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu ’l bogħod minnu, għollew leħinhom u qalulu 

Dak li ma ħallewhx jidħol
issa jiltaqa’ ma’ dawk li spiċċaw barra!
Dak li ma kienx hemm post għalih fil-lukanda meta twieled,
joħloq spazju għal min m’għandux il-lussu ta’ saqaf fuq rasu.
 
Dawk li qalulhom jibqgħu ‘l bogħod, barra,
jirċievu Kelma li tqarreb, tlaqqa’, tintegra:
“Ġesù, mgħallem, ikollok ħniena minna!”

Irrifletti

  • “Min hu  ġewwa , ġewwa. Min hu barra, barra” konna ngħidu. Imma sewwa hekk?
pexels/mas tio: grateful …


iii. inxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan.

Is-Samaritan jaf li Ġesù ma talabx in-nar fuq niesu (is-Samaritani!);
japprezza li dak li spiċċa barra (bħalu!)
mhux talli ma sarx negattiv jew mimli qrusa,
iżda qed jgħin lilu jerġa lura fir-raħal.
 
Fuq kollox jagħraf li, tkunx ġewwa jew barra,
ma jiddependix mill-post jew mill-fiżiku
iżda mill-qalb ta’ dak li Hu kollox f’Kollox!
U jirringrazzjah.
 
Il-barrani isib ruħu “ta’ ġewwa”:
“Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek”.

Irrifletti

  • Ieqaf ftit fil-presenza t’Alla!


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.