Ġużeppi kuraġġuż
Niċċelebraw l-Evanġelju tar-4 Ħadd tal-Avvent – Sena A
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Ħa jidħol il-Mulej, hu s-Sultan tal-glorja.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
It-tnissil ta’ Ġesù l-Messija sar hekk: ommu Marija, wara li tgħarrset ma’ Ġużeppi, qabel ma marru joqogħdu flimkien, saret omm bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Żewġha Ġużeppi, li kien raġel ġust u ma riedx ixandarha quddiem kulħadd, għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies. Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu. Hi se jkollha iben, u inti ssemmih Ġesù, għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom”. Dan kollu ġara biex iseħħ dak li kien qal il-Mulej permezz tal-profeta, meta qal: “Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El”, li bi lsienna jfisser “Alla magħna”. Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu.
(Mt 1, 18-24)
Riflessjoni u talba:
i. Ġużeppi … għamel il-ħsieb li jibgħatha bil-moħbi tan-nies
Il-kobor ta’ persuna u
l-iżvilupp tal-istorja,
ma jitkejjilx biss minn kif nieħu ħsieb id-drittijiet tiegħi
imma mill-użu kreattiv tal-ħsieb
u deċiżjonijiet kuraġġużi
biex issalva l-persuna l-oħra.
Irrifletti
- Fejn mistieden tkun kreattiv biex tħares il-ġid ta’ ħaddieħor?
ii. “Ġużeppi, bin David, xejn la tibża’ tieħu għandek lil martek Marija għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu...”
Is-sorpriża tal-fidi
mhix li tagħmel il-ħajja aktar diffiċli,
mhix li żżid regoli fuq regoli biex joħonqu l-persuni
imma l-ħelsien mill-biża’ li jżommna milli nagħmlu pass fid-dlam
il-ħolqien ta’ spazju akbar biex jesa’ dak li ma mmaġinajniex li nistgħu nixtiequ
post għall-presenza ta’ Alla-magħna.
Irrifletti
- Xi tfisser il-fidi għalik?
iii. Ġużeppi, meta qam, għamel kif ordnalu l-anġlu tal-Mulej, u ħa lil martu għandu.
Il-paradoss tal-ubbidjenza lejn Alla
mhux li titlef l-idea tiegħek
u tagħmel li jgħidlek
iżda li xħin tħares lura
tara li ġew mitmuma x-xewqat l-aktar profondi tiegħek
u ħajtek ħadet valur etern
inti u tieħu sehem attiv fil-mużika li qed jikkomponi Alla !
Irrifletti
- Kif tara l-ubbidjenza lejn Alla?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.